Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi Brussell għal Summit ta’ jumejn bejn il-Mexxejja Ewropej b’aġenda għad-diskussjoni mimlija fosthom it-temi tal-Ukrajna, is-sigurtà u d-difiża, l-immigrazzjoni u l-ekonomija.
Dwar l-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal ittra mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li tamplifika dwar dak li Malta ilha titkellem dwaru jiġifieri meta nitħaddtu fuq il-Libja u t-Tuneżija ma nitkellmux biss fuq l-immigrazzjoni iżda anki fuq triq ħolistika li tibni relazzjoni ekonomika ma’ dawn il-pajjiżi biex in-nies t’hemmhekk jagħrfu l-potenzjal li jgħixu hemmhekk.
Dr Abela nnota li dawn il-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq mhumiex lanqas is-sors tal-problema tal-immigrazzjoni iżda huma wkoll vittmi u jeħtieġu koperazzjoni mill-Ewropa.
“Issa qegħdin nitkellmu mhux biss fuq immigrazzjoni meta qed nitħaddtu dwar il-Libja jew it-Tuneżija, imma li jkollna soluzzjonijiet ħolistiċi, u bgħattna dal-messaġġ ftit tal-jiem ilu meta morna l-Libja u hemmhekk ma tkellimniex biss dwar l-immigrazzjoni imma ffirmajna MOU li jitratta s-settur tal-enerġija għax nemmnu li waħda mis-soluzzjonijiet ewlenin li nnaqqsu l-immigrazzjoni irregolari hija li tinvesti f’dawk il-pajjiżi, u li magħhom ikollok relazzjoni ekonomika ta’ kooperazzjoni li tagħti lin-nies t’hemmhekk il-potenzjal li jgħixu ġo pajjiżhom, u li nifhmu li dawn il-pajjiżi m’humiex is-sors tal-problema imma huma wkoll vittmi t’immigrazzjoni irregolari u għalhekk jekk kien hemm punt ta’ konverġenza bejn numru ta’ mexxejja llum, kien li l-problema tal-immigrazzjoni ma nistgħux nitrattawha f’nofs ta’ baħar imma rridu nitrattawha fuq l-art tal-pajjiż tat-tluq.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq fuq il-ġlieda kontra t-traffikar uman b’koperazzjoni flimkien ma’ pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq.
Il-Prim Ministru fisser diskussjonijiet impenjattiva fl-ewwel jum tas-Summit u qal li l-Mexxejja Ewropej komplew jiddiskutu l-kumplessità tal-gwerra tar-Russja fuq l-Ukrajna.
Intant fil-bidu tas-Summit kien hemm is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg fejn ġiet diskussa aktar koperazzjoni bejn in-NATO u l-Unjoni Ewropea.
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew mistennija jiġu diskussi wkoll ir-relazzjonijiet fosthom diskussjoni strateġika dwar iċ-Ċina u anki mistennija tqum il-ħtieġa dwar aktar koperazzjoni mat-Tuneżija.
Fil-jum tal-Ġimgħa d-diskussjoni bejn il-Mexxejja Ewropej mistennija tkun iżjed ffukata fuq it-tema tal-ekonomija.
Intant qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela attenda għal laqgħa tal-Prim Ministri u Mexxejja tal-partiti msieħba fil-familja politika tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej.
Għal-laqgħa attendew wkoll Kummissarji Ewropej.
Fid-diskussjoni kien hemm aktar ħidma bi tħejjija għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju tas-sena d-dieħla.
It-temi soċjali li jħaddnu l-partiti fi ħdan il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej kienu wkoll fuq l-aġenda tad-diskussjoni.