Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo fisser kif l-immigrazzjoni irregolari hija sfida kumplessa f’laqgħa mad-Direttur tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni u l-Koordinatur għall-Mediterran, Laurence Hart.
Hu saħaq li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata permezz ta’ pjan komprensiv li qabel kollox għandu jiffoka fuq il-ħolqien ta’ ekonomiji reżiljenti fil-pajjiżi Afrikani.
Il-Ministru Bartolo saħaq li pajjiżi żviluppati għandhom jisimgħu u jaħdmu id f’id mal-pajjiżi Afrikani u m’għandhomx jippridkaw. Stqarr li dawn l-isforzi għandhom isostnu ċ-ċittadini tagħhom.
Dan bil-għan li jimmitigaw l-isfida tal-migrazzjoni irregolari filwaqt li jkunu ta’ benefiċċju għall-istess pajjiżi li għandhom bżonn liċ-ċittadini tagħhom jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, u allura t-titjib tal-livell tal-għixien tagħhom.
Għal dan il-għan iż-żewġ partijiet qablu fuq il-potenzjal ta’ aktar koperazzjoni bejniethom, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-fora internazzjonali.