“Nirrikonoxxu bis-sħiħ l-isforzi ta’ Malta fil-qasam tal-immigrazzjoni u konxji li Malta wkoll qed iġorr l-piż tagħhom.” Hekk stqarr il-Ministru għall-affarijiet barranin tal-Awstrija Alexander Schallenberg waqt konferenza tal-aħbarijiet wara diskussjonijiet bilaterali f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-affarijiet barranin Malti, Evarist Bartolo stqarr kif Malta u l-Awstrija, t-tnejn jinsabu mal-ewwel għaxar pajjiżi għal kemm jilqgħu immigranti irregolari ras għal ras. Huwa tenna kif issa jmiss lil pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea biex joffru s-sostenn meħtieġ sabiex tinżamm il-paċi fil-Libja għall-ġid tal-poplu Libjan. Dan wara li bosta pajjiżi Ewropej innotaw kif is-solidarjetà fir-rilokazzjoni ma waslitx.
Il-Ministru Bartolo qal, “It-toroq oħra huma li naħdmu mal-pajjiżi mnejn jitilqu u mnejn jgħaddu biex dawn ma jiġux, wieħed jaħdem biex ikun hemm kummerċ u xogħol fil-pajjiżi mnejn jitilqu. Sadattant ngħinu mnejn jgħaddu, f’dan il-każ il-Libja, biex tikkontrolla u tieħu ħsieb il-fruntieri li għandha mal-Afrika.”
Il-Ministru Awstrijakk Alexander Schallenberg stqarr kif huwa jaqbel kompletament mal-pożizzjoni li qed tieħu Malta f’dan il-qasam. Dan hekk kif irrikonoxxa li pajjiżna dejjem għamel il-parti tiegħu biex jerfa’ l-piż relatat mal-immigrazzjoni. Qal li għalhekk hemm bżonn li l-Gvern Libjan jingħata s-sostenn meħtieġ sabiex iħares il-fruntiera tan-Nofsinhar tal-pajjiż li hija totalment esposta għat-traffikar tal-bnedmin u għall-kriminalità organizzata.
Fil-konferenza stampa ma tmiem id-diskussjonijiet bilaterali Schallenberg awgura lil Malta wkoll għall-mod ta’ kif tul il-pandemija amministrat is-sitwazzjoni sabiex kienet l-ewwel pajjiż li laħaq l-immunità għall-Covid-19.