Il-mexxejja tas-Summit tal-5+5 qablu b’mod unanimu li jsaħħu l-koperazzjoni fil-ġlieda tagħhom kontra l-immigrazzjoni illegali u sabiex jitkissru ċ-ċrieki kriminali ta’ traffikanti tal-bnedmin.
Il-ħmistax-il edizzjoni ta’ din il-laqgħa li saret f’Malta, għal darb’oħra ġabret għaxar Ministri tal-Affarijiet Barranin minn pajjiżi Ewropej u Afrikani sabiex jiddiskutu temi kurrenti.
F’konferenza tal-aħbarijiet fi tmiem is-summit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li fost il-punti ewlenien tad-Dikjarazzjoni ta’ Malta, il-ministri qablu li kulħadd għandu jirrispetta l-liġijiet relatati mal-immigrazzjoni filwaqt li kien hemm qbil għal koperazzjoni favur iktar ħidma sabiex jitkissru ċrieki kriminali ta’ traffikanti umani.
Dwar is-sitwazzjoni fil-Libija, il-Ministri Abela qal li l-mexxejja kkommettaw ruħhom li jkomplu jaħdmu favur il-paċi u l-għaqda fil-pajjiż.
Qalu li dan jista’ jsir biss jekk iservu ta’ spalla għall-awtoritajiet Libjani. Għarfu li l-kriżi fil-Libja tista’ tissolva biss permezz ta’ proċessi politiċi.
Il-Ministri rrikonoxxew ukoll il-kriżijiet fis-Sirja u Lvant Nofsani u sostnew li s-soluzzjoni ma tistax tkun waħda b’forzi militari.
Ir-rappreżentanta għolja tal-Unjoni Ewropea Federica Mogherini, qalet l-problema tal-immigrazzjoni hija tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi.
Hija sostniet li laqgħa bħal dik tal-grupp 5+5 tista’ sservi bħala pjattaforma unika minkejja li kull pajjiż iħaddan kulturi, lingwi u reliġjonijiet differenti.