L-immigranti li fil-bidu ta’ dan ix-xahar ġew salvati mit-tanker MAERSK Etienne fl-ibħra territorjali Libjani tilfu kawża fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jiddaħħlu f’Malta.
Il-Qorti Ewropea ħarġet dan id-digriet wara li tnejn mill-immigranti salvati fetħu kawża kontra Malta bil-għan li jidħlu f’pajjiżna.
Il-Qorti rabtet id-deċiżjoni tagħha mal-fatt li fl-ebda ħin, d-deċiżjoni ta’ Malta ma poġġietx lill-persuni f’riskju ta’ trattament inuman.
Is-sit tal-istazzjon nazzjonali qal li fl-erbgħa t’Awwissu li għadda dan il-grupp ta’ sebgħa u għoxrin immigrant ġew salvati mit-tanker tal-kumpanija MAERSK f’żona ta’ tiftix u salvataġġ li ma kinitx dik Maltija.
Madankollu, għal xi raġuni l-kaptan ta’ dan il-bastiment għażel li jibqa’ jbaħħar lejn l-ibħra territorjali Maltin bil-konsegwenza li dan il-vapur ilu wieqaf barra mill-ibħra Maltin għal tlieta u għoxrin ġurnata.
L-Awtoritajiet Maltin baqgħu jinsistu ma’ dan il-bastiment li dan il-każ mhux responsabbiltà ta’ Malta.
Intqal ukoll li l-Gvern Malti wieġeb f’din il-kawża permezz tal-avukat tal-Istat fejn ġie mtenni l-punt li Malta ma kinitx responsabbli li ddaħħal l-art, dawn l-immigranti.
Fis-smigħ tal-kawża, l-awtoritajiet Maltin spjegaw ukoll li fl-ebda ħin ma taw struzzjonijiet biex il-vapur idaħħal l-immigranti f’Malta.
Statistika tal-Kummissjoni Ewropea wriet li vejn l-aħħar ta’ Lulju u nofs Awwissu fl-Italja waslu mal-4,000 immigrant fejn fl-istess perjodu f’pajjiżna daħlu viċin it-300 persuna. Fl-istess waqt, il-Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat mas-7,000 immigrantif’ibħra Libjani.