Għall-ħabta tal-22:30 tal-Ħadd filgħaxija grupp kbir ta’ immigranti qajjmu argument quddiem iċ-Ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far. Immedjatament fuq il-post marru diversi karozzi tar-Rapid Intervention Unit li mal-wasla tagħhom fuq il-post sabu grupp kbir ta’ immigranti jipprotestaw fuq ġewwa u barra tal-kumpless. Għal xi ħin persuni mhux magħrufa garaw xi ġebel fil-konfront tal-pulizija u l-vetturi tagħhom li b’konsegwenza t’hekk weġġa’ Pulizija b’mod ħafif.
Minħabba l-iskala tal-protesta ġie msejjaħ ukoll tim mediku mill-isptar Mater Dei mmexxi mit-tabib Dr Michael Spiteri. Fuq il-post issejħu wkoll ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jitfu nirien li kienu ħakmu lil 5 karozzi li huma tal-uffiċjali tad-detenzjoni, membri tal-AWAS u karozza privata. Inħarqu wkoll żewġ kmamar fiċ-ċentru tad-detenzjoni.
Mhux magħruf kemm ġew arrestati persuni waqt dan l-inċident.