Is-sebgħa u għoxrin immigrant li jinsabu abbord il-bastiment Ettienne Maersk huma responsabbilita tal-Gvern Daniż u mhux ta’ Malta, hekk kif dan il-bastiment apparti li salva lill-dawn l-immigranti fiż-żona ta’ Salvataġġ Tuneżina, itajjar il-bandiera Daniża.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela, f’intervista mad-Dekan tal-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjeta fl-Universita ta’ Malta, l-Professur Andrew Azzopardi, fejn b’ton skjett, qal li dawn l-immigranti m’għandhomx dritt jidħlu f’pajjiżna.
“Għandhom id-dritt li jidħlu f’Malta? Ir-risposta hija le!”
Il-Prim Ministru qal li Malta dejjem għamlet aktar milli felħet biex tindirizza l-kriżi tal-immigrazzjoni, iżda issa l-ħidma sfieqa minn Gvern Laburista – fosthom dik ta’ rilokazzjoni – qed tħalli riżultati pożittivi, fosthom in-nuqqas ta’ wasliet ta’ dgħajjes mil-Libja.
“Din is-sena għamilna ħafna. Ejja nagħqdu l-istatistika t’Awwissu l-agħar xahar jew wieħed mill-agħar għall-imigrazzjoni. Kumparat mas-sena li għaddiet ħarġu aktar dgħajjes mil-Libja and yet f’Malta daħlu biss terz ta’ dak li daħal is-sena li għaddiet.
Robert Abela qal li jifhem lill-Maltin tal-Marsa, tal-Ħamrun u ta’ partijiet oħra ta’ Malta u saħaq li l-ewwel interess tiegħu huwa li jippreserva d-drittjiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Dwar l-effetti tal-pandemija fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, il-Prim Ministru qal kif il-miżuri kruċjali u f’waqthom li ħa dan il-Gvern qed iħallu l-frott hekk kif Malta qed tara rekord ta’ tnaqqis fil-persuni bla xogħol.
“L-ispiża u n-nefqa li ġġeneraw il-vouchers, miżura ewlenija fl-aħħar pakkett finanzjarju li nedejna dwar il-Covid-19 kienet daqs dik li ġġeneraw 40,000 turist f’Awwissu tas-sena li għaddiet. Pajjiżi oħrajn bil-qgħad tiela’ aħna bil-qgħad nieżel. Għas-sitt ġimgħa konsekuttiva rnexxielna nerġgħu nirreġistraw tnaqqis fil-qgħad tagħna f’mument ta’ pandemija.”
Il-Prim Ministru semma wkoll it-tbassir tal-Bank Ċentrali li juri kif l-ekonmija Maltija s-sena d-dieħa se tkun qed tikber biex tpatti għall-impatt negattiv li sofriet din is-sena.
“L-andament ekonomiku f’pajjizna, aħjar miż-żona ewro. L-ekonomija Maltija, il-kruċjali l-pedament għal kollox – saħħa aħjar għal futur aħjar għall-familji tagħna. Se tingħata spinta qawwija bil-miżuri li għamilna li għollew il-ġid nazzjonali bi 3%. Dawn il-miżuri jnaqqsu l-impatt ekonomiku tal-Covid madwar terz.”