Il-ġimgħa li għaddiet il-qorti ddeċidiet dwar jekk l-Imħallef Joseph R. Micallef għandux ikompli jisma’ l-każ marbut mat-talba għad-danni ċivili li qed jagħmlu l-vittmi ta’ abbuż sesswali f’Dar San Ġużepp.
Il-vittmi lmentaw li l-Imħallef Micallef għandu kunflitt ta’ interess għax huwa l-President ta’ Radju Marija. Il-Qorti qalet li le. Mhux se nidħol f’dan il-każ.
Iżda dak li ġara serva biex nirrifletti dwar l-irwol tal-Imħallfin fis-soċjetà. Għandi opinjoni, għalkemm m’iniex l-iktar bniedem li nista’ nitkellem b’awtorità. Peró niftakar tajjeb minn xiex għaddew l-Imħallef Lino Farrugia Sacco u l-Imħallef Antonio Mizzi għaliex wieħed kien involut fil-Kumitat Olimpiku Malti u ieħor fl-Assoċjazzjoni Maltija tal-Basketball. Il-ġudikanti kienu jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna iżda l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja qalet li l-irwol tagħhom ma kienx kompatibbli mad-doveri tagħhom fuq il-bank tal-ġudikatura. L-Imħallef Mizzi telaq u l-Imħallef Farrugia Sacco webbes rasu u għadda minn martirju. Kulħadd jaf x’ġara.
Għaldaqstant meta dan l-aħħar kont qed insegwi d-deċiżjoni dwar l-Imħallef Micallef staqsejt lili nnifsi: Mela dan jista’ jkun President ta’ Għaqda? Mela l-prinċipju mhux l-istess? Jaqaw għall-ġudikanti hemm xi regola li reliġjon iva u sport le?