L-Imħallef Ian Spiteri Bailey irrikuża ruħu milli jkompli jisma’ kawża ta’ Repubblika kontra l-Avukat tal-Istat fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili, Sede Kostituzzjonali.
L-imħallef iddikjara li qed jastjeni milli jkompli jisma’ l-kawża wara li Qorti Kostituzzjonali, l-ogħla qorti ppreseduta minn tliet Imħallfin, ilbieraħ laqgħet appell tal-Avukat tal-Istat f’kawża marbuta mat-talba ta’ Repubblika li fiha qed titlob li l-Maġistrat Nadine Lia ma tibqax tisma’ l-każ tagħha b’rabta mal-Bank Pilatus.
Din il-kawża hija waħda minn sensiela ta’ azzjonijiet ta’ Repubblika jew persuni qrib tagħha, li mhux darba u tnejn kellhom fil-mira tagħhom istituzzjonijiet jew membri tal-ġudikatura.
Il-Maġistrat Lia kienet irrifjutat li tirrikuża lilha nnifisha minn kawża li qed jagħmlu Repubblika kontra l-Avukat Ġenerali, u Repubblika fetħu kawża oħra l-Qorti dwar hekk.
Il-Qorti Ċivili, ipreseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, kienet ħadet il-pass li, sakemm tibqa’ tinstema’ kawża ta’ Repubblika, il-kawża oriġinali li kellha tippresjedi l-Maġistrat Lia tibqa’ tinstema’. Kienet iddeċidiet ukoll li dan isir minn Maġistrat differenti. Fl-istess ħin, l-Imħallef Spiteri Bailey kien għażel li ma jismax il-kawża kostituzzjonali b’urġenza.
Ilbieraħ, il-Qorti ppreseduta minn tliet Imħallfin, ħassret dik il-parti fejn il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Spiteri Bailey ċaħdet it-talba sabiex il-kawża kostituzzjonali tinstema’ b’urġenza u minflok ordnat li l-proċeduri ta’ sfida ikomplu jinstemgħu quddiem maġistrat differenti. Minflok, fis-sentenza aħħarija l-Qorti ordnat li l-kawża oriġinali tiġi sospiża sakemm il-kawża kostituzzjonali tinstema’ b’urġenza.