Fil-ħames jum tal-ġuri fil-konfront taż-żewġt irġiel mixlija bil-qtil ta’ Sion Grech, is-seduta bdiet bi żvilupp mhux tas-soltu meta l-Imħallef Aaron Bugeja stqarr li kien irċieva email mingħand persuna li l-identità tagħha ma ġietx ippubblikata. L-email kien fiha dettalji marbuta mal-każ tal-omiċidju, u kien hemm ukoll kummenti b’referenza għal wieħed mill-imputati.
Għalhekk, l-Imħallef informa lill-partijiet kollha bil-kontenut ta’ din l-email, filwaqt li bagħat kopja tal-messaġġ kollu kemm hu lill-President ta’ Malta.
Huwa qal li kull min ikollu informazzjoni dwar kwalunkwe każ, jista’ jitkellem mal-Pulizija jew mal-Avukat Ġenerali, iżda mhux mal-ġudikanti.
Wara bdew jittellgħu xi xhieda, fosthom prostituta li kienet taf lil Sion, kif ukoll uffiċjal tax-xena tad-delitt, li ddeskriva l-ħidma ta’ diversi oqsma tal-Pulizija b’rabta mal-katavru ta’ Grech, u kif instabet l-evidenza fuq il-katavru.
Għall-ħabta tal-erbgħa neqsin kwart ta’ waranofsinhar, l-Imħallef Aaron Bugeja irċieva email oħra mingħand l-istess persuna, din id-darba b’iktar informazzjoni. L-Imħallef tenna dak li kien qal aktar kmieni, filwaqt li mill-ġdid bagħat kopja lill-President ta’ Malta.