Muna u Samson, żewġ immigranti ta’ oriġini Etjopjana, waslu f’pajjiżna fuq dinghy wara li ddeċidew jfittxu ħajja aħjar u jaħarbu mil-prosekuzzjoni fl-Etjopja. Iżda din il-koppja, f’pajjiżna sabet xorti tajba ħafna hekk kif illum il-ġurnata huma s-sidien ta’ ristorant f’Malta, ‘One Love African Bar and Restaurant’.
Dawn il-ġenituri ta’ żewġ subien spjegaw li ħadmu ħafna f’pajjiżna biex ikunu jistgħu jassiguraw futur komdu għall-familja tagħhom. Qabel fetħu dan ir-ristorant, Samson ħadem fl-industrija tat-turiżmu filwaqt li Muna ħadmet bħala cleaner fl-isptar Mater Dei u Monte Karmeli.
Huma stqarrew li kien propju permezz tal-flus li rnexxielhom jġemmgħu f’pajjiżna, li rnexxielhom jiftħu dan ir-ristorant fl-2015, flimkien mal-ħabib Malti tagħhom Walter Mallo, residenti Bormla.
Is-sieħeb tagħhom fin-negozju Walter, jemmen li l-ikel għandu l-abbiltà li jintegra kulturi differenti flimkien u li permezz tiegħu tiżdied it-tolleranza.
Fi kliemha, Muna, stqarret li permezz tal-ikel li jservu huma jixtiequ li l-Maltin jifhmu l-kultura u tradizzjonijiet tagħhom.
“Il-Maltin iħobbu ħafna l-ikel tagħna, qabel iddeċidejna li niftħu dan ir-ristorant konna nistiednu l-ħbieb Maltin tagħna u nsajrulhom.” Sammy spjega li din kienet propju waħda mir-raġunijiet li wasslithom jiftħu dan ir-ristorant.
Din il-koppja spjegat li l-klijentela tagħhom hija diversifikata, “Il-maġġoranza tal-klijenti tagħhna huma Maltin, għandna wkoll klijenti li huma immigranti u ġejjin mill-Etjopja, Eritrea u s-Somalia.” L-istaff ta’ ‘One Love African Bar and Restaurant’ ġej ukoll minn pajjiżi differenti.
“Għandna ħames impjegati li ġejjin minn erba’ pajjiżi differenti, fosthom Malta, Etjopja, Finlandja u r-Rumanija.”
Mistoqsija x’tikkumenta dwar l-istigma li jiffaċjaw l-immigranti Muna wieġbet li jekk inti refuġjat f’Malta għandek id-dritt li taħdem. Dan ifisser li huma qegħdin jaħdmu legalment u jħallsu t-taxxa bħal kull Malti ieħor. “Jiena dejjem ħdimt bil-permess u ħallast it-taxxa, ħafna refuġjati u immigranti qed jiftħu n-negozju tagħhom f’Malta filwaqt li oħrajn qegħdin japplikaw għal impjiegi li l-Maltin ma jridux jaħdmu fihom.”
Rapport li ħareġ il-Bank Ċentrali jsostni l-argument ta’ din il-koppja, għaliex jgħid li d-domanda għall-ħaddiema f’Malta dejjem qed tikber u li biex tintlaħaq din id-domanda jeħtieġ li jkollna ħaddiema barranin.
Sammy sostna li l-Maltin jeħtieġ jifhmu li l-barranin f’pajjiżna, huma aħbar tajba. “Irridu naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna, filwaqt li nagħrfu dak li hemm komuni bejnietna. Kull ma rridu li aħna flimkien mal-familja tagħna ngħixu kuntenti u li nassiguraw futur sabiħ għal uliedna. Dan ir-ristorant għamel dan kollu possibli u ta’ dan aħna nirringrazzjaw lil Malta.”
Din l-intervista saret mill-aġenzija tar-refuġjati f’pajjiżna l-UNHCR, bħala parti mill-kampanja li qed imexxu bl-għan li jkollna Malta aktar inklussiva.