Venere, kupidu, ward aħmar u mħabba. San Valentinu: il-qaddis, li miet martri fis-Seklu Tlieta, fil-jum tal-14 ta’ Frar. U li sa mill-Medju Evu, baqgħet marbuta mal-maħbubin.
Din hi l-istorja ta’ mħabba ta’ Joey, li ġie nieqes mid-dawl t’għajnejh f’aċċident li kellu bil-karozza f’Għawdex. Kien Settembru tal-1992 meta raġel ta’ 59 sena, li kien xurban, wara l-festa tar-raħal, laqat il-karozza ta’ Joey, qalbu u baqa’ sejjer. Kien sieħbu li saq għal warajh, li mix-Xlendi ma ħallihx jiżgiċċa, u laħqu fuq it-Tokk ir-Rabat.
Filwaqt li saħaq magħna, li s-sewqan u x-xorb ma jmorrux flimkien, minn hemm ’il quddiem, tort ta’ ħaddieħor, ħajtu nbidlet mil-lejl għan-nhar.
Qal, “Sħabi li kienu miegħi fil-karozza, kienu qed jibki, waqaf raġel, qallhom ħallukom mill-biki, ejjew fil-karozza, ħa nsalvawh. Qelbuni bil-karozza, għamluli l-faxex ma’ rasi, u nsomma imbagħad mort l-Isptar u qaluli li qalbi waqfet ħames darbiet, kellhom jagħmluli x-xokkijiet. Imbagħad ċemplu lil ommi u lil missieri u qalulhom biex imorru l-Isptar forsi jilħquni ħaj.”
Iżda, b’kuraġġ ta’ sur, Joey ma ħarisx lura. Għall-bidu t-triq kienet biss għat-telgħa, sakemm beda jitgħallem il-kompjuter, fejn ukoll kellu jsib l-imħabba ta’ ħajtu.
Qal, “Kont fuq il-kompjuter, mort fuq il-yahoo, u ktibt li jiena ġuvni ta’ 30 sena u nixtieq mara għas-serjetà, għidtilha li jien ma narax, u li kelli inċident, u qbadt nitkellem magħha, imbagħad biex ġibt il-Visa, kienet problema, imma ġiet il-Visa, ġiet hi Malta. Naf biċ-ċert li kienet iebsa għaliha għax telqet pajjiż, telqet lil familtha.”
F’Awwissu 2004 Kristine ġiet, għall-ewwel darba, f’pajjiżna fejn iltaqgħet ma’ Joe. Wara erba’ snin, Joey u l-maħbuba tiegħu ngħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ fil-kappella tal-Università.
Għalkemm Joey qatt ma ra lil martu, stqarr magħna li, għalih, hija kollox. B’għajnejha jixhdu l-imħabba tagħha lejn żewgha, Kristine qaltilna xi jfisser għaliha Joey.
Qalet, “He’s so responsible, u anke when he wants something, we communicate, which I think is very important, especially since I’m a foreigner, u hekk. Anke, he has a lot of courage, although he had the accident, it was very hard for him, but xorta he is not pessimistic, like always imdejjaq u hekk, he is a joker, something I call him buffu, u hekk. He is so responsible as a family man, for us, he loves us so much, and my daughter. I think everyone, he loves a lot of people, he helps them as well.”
Bla tlaqliq, Joey qalilna li mħabbtu għal Kristine u binthom, Alexandra ta’ għaxar snin, hi mħabba profonda. Għalkemm kultant, bħal kulħadd, mhux dejjem ward u ż-żahar, għalih imħabbithom tibqa’ l-għożża ta’ ħajtu.
Qal, “Illum il-ġurnata, għandi l-mara u t-tifla, u għandna familja. Naħdem, l-Università u nirringrazzjaw l-Alla. Nisperaw li nibqgħu sal-mewt.”