“L-imħabba trid tkun reċiproka.” Dan kien il-messaġġ li qasmet magħna Rita, isem fittizju li tajna lill-mara li kienet vittma ta’ vjolenza domestika fil-passat.
Hi spjegat li r-relazzjoni mal-eks sieħeb tagħha kienet bdiet b’mod normali, iżda fi ftit taż-żmien wara li ltaqgħu dan spiċċa dipendenti fuqha kompletament, inkluż finanzjarjament.
“Rita” saħansitra qaltilna li spiċċat toffri saqaf lir-raġel minħabba li l-paga tiegħu kien iberbaqha kollha, mhux l-inqas fuq vizzji bħall-alkoħol u s-sigaretti.
Hi rrakkontatilna li dan wassalha biex anke twarrab fil-ġenb dak li xtaqet tagħmel biex ir-raġel, li kienet f’relazzjoni miegħu, ikun jista’ jibqa’ jixtri. Kien hawn li s-sitwazzjoni bdiet teskala u “Rita” bdiet tinnota li l-persuna l-oħra bdiet tħawwad fid-diskors u tigdbilha.
Fost l-oħrajn, ir-raġel beda joħroġ ma’ ħbieb nisa tal-vittma, tirrakkonta “Rita”. Minħabba f’hekk keċċietu minn darha, iżda r-raġel bagħatilha l-Pulizija. Minkejja dan, il-Pulizija, wara li evalwaw il-każ delikat, assistewha biex tiftaħ rapport ta’ vjolenza domestika, sa dak iż-żmien minħabba natura psikoloġika b’riżultat ta’ tgħajjir li bdiet tirċievi mingħand ir-raġel f’forma ta’ messaġġi fuq il-mowbajl jew il-midja soċjali.
Qalet, “Kien hemm tgħajjir tipo fuq sidri. Jiena mhux se ngħid vittma ta’ għax m’inix, imma kelli żewġ breast cancers, tliet snin ilu li għall-grazzja t’Alla għaddew. Iġġilidtilhom u mingħalih li, għax se jgħajjarni b’sidri, “mara b’nofs sider”, “mara sfigurata”, kien se jagħmilli xi ħaġa.”
Wara dan l-argument bejn il-koppja, “Rita” tgħidilna li l-aggressur reġa’ kkuntattjaha permezz ta’ profili foloz fuq il-midja soċjali. Dan wassal biex il-mara terġa’ taqa’ għall-vittma, taħfirlu u terġa’ taċċettah f’darha.
Magħna “Rita” qassmet diversi episodji ġodda fejn din id-darba kienet sfat vittma ta’ vjolenza fiżika, fosthom meta l-aggressur spiċċa jagħtiha daqqiet f’sidirha, għax dawret l-isteering tal-vettura waqt li kien qed isuq hu biex jevitaw aċċident.
F’istanza oħra, waqt argument li nqala’ bejn il-koppja, ir-raġel żvoga l-aggressjoni tiegħu fuq il-kelba tal-vittma.
Qalet, “Għandi diversi pets id-dar, imma għandi kelba li hi marida, anzjana u miskina trid tieħu naqra paċenzja biha. Kif raha, għax jaf li hemmhekk, iva, se jweġġagħni, ixxuttjaha lil din il-kelba. Issa din il-kelba bilkemm tiflaħ timxi.”
Din ma kinitx l-unika darba li l-aggressur weġġa’ lill-kelba tal-vittma f’każijiet separati u l-vittma tirrakkonta li gerbibha t-taraġ u kien isawwatha bi xkupa. Din il-vjolenza mhux l-ewwel darba li eskalat għal vjolenza domestika fuq “Rita” stess, inkluż meta darba waddbilha grada tal-injam.
Wara aktar kuntatt mal-Pulizija, li ggwidawha wkoll dwar x’għandha tagħmel biex tikseb l-għajnuna, hi fl-aħħar sabet il-kuraġġ li tagħmel kuntatt mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità. L-aġenzija toffri diversi servizzi, fosthom gwida legali mingħajr ħlas u appoġġ emozzjonali bħal servizzi psikoloġiċi u ta’ counselling.
Qalet, “Jgħinuk tiftaħ għajnejk, dik il-kelma tiftaħ għajnejk. Għax ħafna nies jgħidulek, vjolenza lanqas li tak xi xebgħa, le qatt ma tani xebgħat ma tarax, qatt ma messewni ommi u missieri, ħa nħalli raġel isawwatni. Apparti li, imbagħad, maż-żmien kien hemm vjolenza għax garalna l-gate, daqqa ta’ mowbajl, daqqa fuq sidri waqt li kien qed isuq, kien hemm mela maż-żmien però kont niddefendih.”
“Rita” tgħid li dan il-fatt kien żammha lura milli tfittex l-għajnuna qabel, għax kienet tħobbu, imma tgħid li issa, li sabet lilha nfisha, tgħallmet tapprezza aktar ħajjitha.
Illum il-ġurnata, “Rita” tagħmel appell lil kull min jinsab għaddej minn xi esperjenza simili, hu min hu, biex jitgħallem japprezza lilu nnifsu u jfittex l-għajnuna ta’ professjonisti li jiggwidawk fi vjaġġi diffiċli bħal dawn.
Qalet, “Kemm nisa u kemm irġiel ma jaċċettawx ċerti affarijiet iqumu fuq tagħhom, għajnuna jkun hawn. Tħalluhomx jagħmlukom tapit, ħadd ma jixraqlu li jkun tapit ta’ ħadd.”
Sadanittant biex tkompli tkun miġġielda l-vjolenza domestika, fl-aħħar xhur ġiet introdotta liġi ġdida għal aktar protezzjoni għall-vittmi u persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika.
B’din il-liġi, persuni f’relazzjoni jistgħu jingħataw informazzjoni dwar jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħhom instabux ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat.
Dan apparti li fl-aħħar jiem ġie ffirmat ftehim bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità, Brian Farrugia, u s-Segretarju Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali Lianne Cassar. Dan bil-għan li l-aġenzija tevita, teduka u tagħti l-appoġġ lill-vittmi tal-kriminalità f’ħidma id f’id mal-ħaddiema tal-kunsilli lokali.
Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, permezz tat-telefown fuq il-linja nazzjonali 116 006 jew inkella billi jimla l-formola ta’ prevenzjoni ta’ vjolenza domestika minn fuq is-sit elettroniku victimsupportagency.com.