Minkejja s-sena ta’ sfidi u bidliet minħabba l-Covid-19, l-imħabba tat-tfal għar-rigali tal-Milied baqgħet b’saħħitha.
Dan sostnietu Marica Mamo, sidt ħanut tal-ġugarelli li kien fost l-eluf li bbenefikaw mill-iskema tal-Covid Wage Supplement tal-Gvern.
Hija spjegat li d-domanda għall-ġugarelli mit-tfal baqgħet b’saħħitha, b’mod speċjali logħob edukattiv: “Is-soltu, l-bniet b’ħafna pupi u s-subien b’ħafna karozzi imma l-iktar li inbiegħ huwa ġugarell edukattiv, il-‘Leapfrog’ li jimxi dejjem. Għandek kemm għas-subien, il-bniet u t-trabi, u għandek għal tfal ta’ kull żmien.”
Marica qalet ukoll li minkejja l-sifidi tal-pandemija, ġabet ukoll opportunitajiet, minħabba li ħafna familji qegħdin ifittxu mod kif iqattgħu l-ħin flimkien.
Hija kompliet tispjega: “Imxew ukoll ħafna“boardgames’ biex il-familji jingħaqdu u joqogħdu ġewwa. Kellna minnhom għas-subien u bniet u anke logħob kbar li jistgħu jintlagħbu mill-familji kollha. Forsi n-nies iktar ippjanaw joqogħdu ġewwa u jkollhom biex jgħaddu naqra żmien.”
Marica u żewġha qalu wkoll li parti sostanzjali mill-bejgħ ta’ ġugarelli marru għal tfal fil-bżonn permezz tal-inizjattiva Rigal b’Imħabba, fejn inxtraw għexieren ta’ rigali li tpoġġew fi Pjazza Kastilja bħala ġest nobbli b’risq tfal żvantaġġjati.