Il-Premju Ħaddiem tas-Sena 2019 fir-Residenza San Vincenz de Paul intrebaħ mill-carer Farman Ullah, carer mill-Pakistan li ilu jaħdem f’San Vincenz għal dawn l-aħħar erba’ snin. Is-Sur Ullah huwa carer maħbub mill-pazjenti, mill-familjari tal-pazjenti u mill-ħaddiema għad-dedikazzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Is-Sur Ullah rebaħ ukoll il-Premju Ħaddiem tas-Sena fis-settur tal-Kura wara ammont ta’ nominazzjonijiet li rċieva.
Il-premju annwali fil-qasam tal-kura ġewwa San Vincenz de Paul mogħti għall-ewwel darba mis-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabiltà u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis intrebaħ mill-infermiera Maria Carabott.
Waqt diskors li ta waqt iċ-ċerimonja, is-segretarju parlamentari qal li l-ħaddiema nnominati, dawk ippremjati u l-ħaddiema kollha ta’ kull livell f’San Vincenz ma jmorrux għax-xogħol għall-paga biss, iżda għax verament għandhom passjoni biex jagħtu l-aqwa kura għall-anzjani f’din ir-residenza. Anthony Agius Decelis qal li dan il-gvern, għax verament jimpurtah mill-anzjani, kompla jinvesti fir-residenza San Vincenz de Paul li llum tħaddem 1,800 persuna. Spjega kif filwaqt li fil-Baġit 2013 f’San Vincenz ġew investiti €49 miljun, għall-baġit tas-sena d-dieħla, il-gvern qed jinvesti €81 miljun ewro. Huwa spjega wkoll li l-investimenti kbar li qed jagħmel il-gvern, fosthom il-bini ta’ erba’ blokok, li se jipprovdu 500 sodda addizzjonali għall-anzjani, b’investiment ta’ €57 miljun ewro. Is-segretarju parlamentari qal li s-sena d-dieħla se tinbeda il-ħidma fuq l-ispiżerija l-ġdida, b’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro u ħidma sabiex inbidlu l-ACs tal-wards ta’ din il-facilità.
Anthony Agius Decelis qal li l-proġetti kollha li qed isiru f’San Vincenz, ma jistgħux ikunu suċċess mingħajr l-enerġija tal-ħaddiema kollha, u għalhekk irringrazzja lill-ħaddiema għall-kura tagħhom u l-imħabba tagħhom li tagħmel differenza kbira fil-ħajja tal-anzjani.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz Dr Josianne Cuatjar irringrazzjat lill-ħaddiema ta’ San Vincenz għaliex mingħajr l-enerġija u entużjazmu tagħhom, l-anzjani ma jkunux qed jgħixu l-kwalità tal-ħajja kif xieraq. Dr Cutajar spjegat kif il-ħidma f’San Vincenz tmur lil hinn mill-binja, għaliex ix-xogħol ta’ kura għall-anzjani joffri wens lil mijiet ta’ familji Maltin u lill-1,100 anzjan residenti. Aktar minn hekk, hija spjegat kif San Vincenz bħala ċentru tal-ġerontoloġija qed joffri servizzi ta’ kura u appoġġ lil anzjani oħra li jgħixu fil-komunità.
Intant, waqt is-serata ngħataw iktar premijiet f’diversi oqsma, fosthom il-Premju Tim tas-Sena 2019, li ntrebaħ mit-taqsima tal-amministrazzjoni tal-infermiera, filwaqt li l-Premju Ħaddiem Onorarju mogħti mill-Kap eżekuttiv ta’ San Vincenz Dr Josianne Cutajar intrebaħ mill-eks ħaddiem ta’ San Vincenz John Attard. Lucienne Gatt li taħdem fit-taqsima tal-laundry rebħet il-Premju Ħaddiem tas-Sena fis-settur tas-Sapport.
Waqt is-serata ngħataw ukoll premjijiet oħrajn, fosthom Premju għall-Aqwa Prattika għal Tolleranza Zero fuq ‘Sacral Pressure Ulcers’ li ntrebaħ mis-sala San Ġuzepp 3, Premju għall-Aqwa Prattika fl-Iġene tal-Idejn mirbuħ mis-sala San Ġuzepp 8, Premju għall-Aqwa Prattika fil-Kura għall-Kontinenza li ntrebaħ minn Sala San Franġisk 3, Premju għall-Aqwa Prattika fl-Attivitajiet għar-Residenti li jbatu mid-Dimensja li ntrebaħ minn Sala San Ġużepp 10, Premju għall-Aqwa Prattika fin-Nutrizzjoni, li ntrebaħ minn Sala Madre Tereża 2, u Premju għall-Aqwa Attiviajiet għall-Anzjanità Attiva li ntrebaħ mis-Sala San Ġwanni Pawlu 3.
Il-bord tal-għażla kien immexxi mill-Assistent Direttur f’San Vinċenz Karen Muscat, u l-membri Rita Calleja, Joseph Fava u Maria Muscat.