Aktar minn 40 student minn skejjel differenti ngħataw rikonoxximent għar-riżultati eċċellenti li kisbu fi 3 kompetizzjonijiet internazzjonali tal-Matematika.
Il-livell edukattiv ta’ dawn l-istudenti jvarja minn dak primarju għal post sekondarju u tul is-sena skolastika li għaddiet tħarrġu mill-għalliema tagħhom biex setgħu jikkompetu barra minn xtutna.
Fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, tkellmu b’sodisfazzjon dwar l-esperjenzi tagħhom.
Martina Grima, studenta tas-6 sena mill-iskola Primarja tan-Naxxar, ħadet sehem fil-kompetizzjoni SuperTmatik u klassifikat fis-6 post minn aktar minn 41,000 student.
“Kellna tablet li fuqhom ikun hemm il-cards. Kellna naħdmu s-somma malajr kemm nistgħu. Itik eċċitament kbir għaliex trid tara kif se tmur, apparti li lili l-Maths jogħġobni ħafna”, stqarret Martina.
Shanel Cassar, studenta ta’ 11-il sena mill-Kulleġġ San Injazju li għamlet unur lil Malta fil-Bulgarija waqt il-kompetizzjoni Mathematics Without Borders. Spjegat li kollox beda minn nomina mill-iskola tagħha għal kompetizzjoni lokali, u minn hemm qatt ma ħarset lura.
Hija qalet: “Jiena fil-preliminari ħadt sehem fl-individwali ksibt midalji tal-Bronż, anke fil-Bulgarija. Fil-Bulgarija kull Malti ġab minn tal-anqas midalja waħda”.
Melanie Casha Sammut, l-Uffiċjal Edukattiv tal-Matematika għall-iskejjel primarji, fissret li l-iżviluppi li kien hemm fis- suġġett li ħafna kienu jistkerrħuh illum qed iżidu l-esperjenza pożittiva.
“It-tfal jieħdu gost jagħmlu l-matematika. Tista’ ttik ċans tidħol għal sfida u tħaddem moħħok. Sfidi li għada pitgħada fuq il-post tax-xogħol jew fil-ħajja ta’ kuljum. Rajna tifla dalgħodu stess tgħidilna kif waqt li qed tixtri ġelat qed tuża l-matematika. Importanti li nagħtuhom is-suġġett f’livell addattat tagħhom, stqarret Sammut.
Bla dubju, li kieku dawn il-kompetizzjonijiet isiru għal suġġetti oħra, l-istudenti jidħlu għalihom b’ruħhom u b’ġisimhom!
Shanel Cassar: “Hija esperjenza mill-isbaħ u titgħallem b’mod differenti. Titgħallem aktar mat-tfal li jafu affarijiet differenti u flimkient tkun isbaħ l-esperjenza”.
Jekk jista’ jkun iva għaliex aktar ikollok ċans tidħol għalihom, qalet Martina Grima.