“Il-Ħamis filgħaxija kellna dibattitu fejn rajna Oppożizzjoni li rrappreżentat kif dibattitu m’għandux ikun. Oppożizzjoni li minn għaxar snin ilu ’l hawn baqgħet ma nbidlet xejn.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela, dwar dak li seħħ fil-Parlament il-Ħamis filgħaxija, waqt seduta parlamentari mimlija tgħajjir u għajjat minn deputati Nazzjonalisti.
F’intervista mill-ġurnalist ta’ ONE News, Samuel Lucas, il-Prim Ministru nnota kif minkejja għoxrin jum ta’ tgħajjir u tgħawwiġ tal-fatti, l-Oppożizzjoni baqgħet ma ħarġitx proposta dwar il-pass li jmiss.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal, “Ara jekk xi ħadd f’dal aħħar għoxrin jum wara li ngħatat is-sentenza, qattx semma mqar proposta waħda li hi waħda min-naħa tal-Oppożizzjoni dwar it-triq il-quddiem. Kont nippretendi li f’mozzjoni mqajjma mill-istess Oppożizzjoni, mozzjoni tal-istess Oppożizzjoni, kont nistenna li f’dal-jum li kien iddedikat għal din il-mozzjoni, il-Ħamis, tersaq imqar ‘il quddiem bi proposta. Ma nippretendix li l-Oppożizzjoni mhux se tikkritika, imma li tagħmel proposta mqar waħda pożittiva dwar it-triq il-quddiem, xorta l-Oppożizzjoni baqgħet assenti hemm.”
Intant, l-Prim Ministru qal kif fid-diskors tiegħu fil-Parlament spjega il-fatti kif inhuma dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u mhux l-ispin li qed tipprova tgħaddi l-Oppożizzjoni.
Fid-dawl ta’ din l-attitudni, il-Prim Ministru għadda messaġġ wieħed – li dan huwa pajjiż li miexi ‘l quddiem. Għalhekk huwa appella li tinżamm din l-għaqda, u appella wkoll għall-kalma quddiem il-provokazzjoni li wriet l-Oppożizzjoni.
Rigward it-triq ‘il quddiem fuq il-kwistjoni tal-isptarijiet, Robert Abela saħaq fuq tliet prinċipji li l-Gvern se jkun qed jimxi fuqhom.
Il-Prim Ministru żied jgħid li, “L-ewwel nett irridu noffru l-aqwa servizz tas-saħħa li jixraq lill-pazjenti tagħna, dak huwa fil-fehma tiegħi, il-prinċiju regolatur. Se nkunu qiegħdin nibnu bi prijoritá, sptar ġdid ġewwa Għawdex. Dan l-isptar ġdid ġewwa Għawdex se jkun immexxi mill-gvern ta’ Malta, u t-tielet prinċipju li nemmnu fih huwa li s-servizzi ta’ natura medika ta’ kura akuta għandu jmexxihom ukoll il-gvern.”
Dwar it-transizzjoni tal-isptarijiet lura għand il-Gvern Malta, il-Prim Ministru assigura wkoll transizzjoni mingħajr xkiel.
Intant, il-Prim Ministru fakkar kif huwa kiteb lill-Awditur Ġenerali sabiex jagħmel investigazzjoni, biex jieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jirkupra dawk il-ħlasijiet li ġew affettwati li ma ngħatax il-valur tagħhom f’servizzi mediċi u servizzi relatati u investiment.
Minn naħa l-oħra Dr Abela, nnota kif il-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli biex jitkellem dwar proġetti fil-qasam tas-saħħa hekk kif kien hu li ffirma ftehim li fih ċeda d-dritt li jfittex lill-kumpanija Żvediża Skanska u li l-konsulent legali tagħha ma kien ħadd ħlief Adrian Delia, wara li nstabu difetti fil-bini tal-isptar Mater Dei u li għalihom l-poplu Malti kellu jħallas miljuni kbar ta’ flus.
Hawn Dr. Abela qal li “Mid-dibattitu tal-Ħamis ħarġu tista’ tgħid, żewġ affarjiet oħra: kemm il-Partit Nazzjonalista jibqa’ partit li m’huwiex kredibli, imma, u forsi iktar importanti minn hekk għax naħseb li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibli, naħseb li hija xi ħaġa li lanqas hemm dubju dwarha. Imma mbagħad, lil hinn minn dan kollu, il-gvern reġa’ wera li qiegħed preparat għat-triq il-quddiem, u kemm il-gvern għandu s-soluzzjonijiet biex din il-kwistjoni tkun tista’ tiġi magħluqa u nkunu nistgħu immexxu s-servizz tas-saħħa tagħna ‘il quddiem kif jixraq fl-interess tal-pazjenti Għawdxin u Maltin kollha.”