Uffiċċjali tal-IMF f’Washington u rappreżentanti taż-żona ewro li qegħdin jieħdu sehem fil-Laqgħa Annwali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Grupp tal-Bank Dinji f’Bali, l-Indoneżja taw żewġ perspettivi differenti dwar il-futur taż-żona ewro. Dan qalu l-MEP Malti Alfred Sant li qed jattendi għall-Konferenza annwali tal-IMF f’delegazzjoni tal-Kumitat tal-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON) li qed tiddiskuti suġġetti ta’ interess ekonomiku u finanzjarju fil-Konferenza.
L-uffiċċjali tal-IMF esprimew it-tħassib tagħhom dwar il-futur taż-żona Ewro għax minkejja it-titjib ekonomiku fl-Ewropa, iż-żona ewro tista’ taffaċċja problemi jekk l-affarijiet jerġgħu jmorru għall-agħar. Dan għaliex fi żminijiet fejn ir-ritmu ekonomiku huwa tajjeb – kif ġara f’dawn l-aħħar snin – seta’ sar aktar biex titjieb il-pożizzjoni finanzjarja tal-baġits tal-gvernijiet Ewropej, biex ikunu aktar preparati jniedu stimoli finanzjarji li jikkombattu t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku meta dan iseħħ.Dr Sant żied jgħid li min-naħa l-oħra rappreżentanti taż-Żona Ewro huma aktar kunfidenti għax jemmnu li bħala riżultat tar-riformi implimentati, iż-żona ewro hija aktar b’saħħtiha biex taffaċċja d-diffikultajiet li jistgħu jseħħu fil-futur.
Id-delegazzjoni tal-ECON kellha laqgħat intensivi ma’ rappreżentanti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Istituzzjonijiet taż-Żona Ewro, esperti u Ministri minn bosta pajjiżi madwar id-dinja li qed jattendu għal dan l-avveniment.
Id-delegazzjoni tal-ECON mistennija tibqa’ sejra bil-laqgħat f’Bali sal-Ħadd wara nofsinhar.