Propju fl-istess ġurnata li mill-Parlament għaddiet il-liġi ġdida dwar il-logħob, ilbieraħ, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) faħħar il-ħidma li qed isir f’pajjiżna fis-settur tal-gaming tant li fissru bħala xi ħaġa eċċezzjonali.
Il-Fond Monetarju Internazzjonali mhux biss ifaħħar lil pajjiżna f’dan il-qasam għax huwa ċentru uniku ta’ kumpaniji li jaħdmu f’dan il-qasam iżda anke għax pajjiżna joffri ambjent pro-business.
L-IMF qed ifaħħar il-punt ukoll li minkejja li dan is-settur diġà huwa wieħed b’saħħtu ħafna, pajjiżna qed jibqa’ jtejjeb il-leġislazzjonijiet tiegħu anke billi fost l-oħrajn daħħal fis-seħħ il-leġislazzjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus (AML).
Filfatt it-tibdil fil-liġi tal-logħob li lbieraħ għadda mill-Parlament se jibqa’ jassigura li l-industrija tal-logħob tkun mmexxija b’mod responsabbli , b’ġustizzja u ħielsa minn attivitajiet kriminali biex b’hekk nassiguraw ambjent sigur lill-pubbliku nġenerali li wkoll huwa sors importanti ta’ qliegħ iġġenerat u mpjiegi.
Il-Gvern se jkun qed jassigura li l-Awtorità Maltija għal-Logħob ikollha r-riżorsi u s-saħħa neċessarja biex tirregola b’mod effiċjenti l-industrija tal-gaming, tipproteġi lill-konsumatur kif mistenni u tiffoka fuq evidenza abbażi ta’ metodoloġiji.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri fisser kif dan iċ-ċertifikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali huwa xhieda ċara tal-impenn kostanti ta’ pajjiżna lejn dan is-settur li huwa tant importanti għall-ekonomija Maltija li qed ikun innotat.
Silvio Schembri tenna li din il-ħidma se tissokta anke permezz ta’ leġislazzjonijiet ġodda li jirregolaw teknoloġiji emerġenti li se jkunu qed jagħtu lill-kumpaniji tal-gaming aktar opportunitajiet u sabiex inkunu ma’ tal-ewwel fid-dinja li nagħmlu dan.