Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali esprima sodisfazzjon li fir-rapport tagħha, il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) faħħret ir-riforma li qed issir fil-qasam tal-ġustizzja, fil-kamp ċivili, u dak kummerċjali. B’mod speċjali l-IMF tgħid li l-bidliet u t-titjib li qed iwettaq dan il-Gvern fil-qasam tal-ġustizzja se jsaħħu l-ambjent ta’ negozju.
Il-Ministeru qal li l-Gvern jemmen li l-qasam tal-ġustizzja jilgħab parti kruċjali fit-tkabbir tal-ekonomija tal-pajjiż u hu għalhekk li ekonomija b’saħħitha għandha jkollha sistemi effiċjenti li bihom jiġu riżolti t-tilwim li jista’ jinqala’ minn żmien għal żmien. Huwa għalhekk li l-Gvern ħadem u se jkompli jaħdem biex fil-kamp ċivili u kummerċjali l-kawżi jdumu nqas u tiżdied l-effiċjenza biex anke minn dan l-aspett l-ekonomija tibqa’ tissaħħaħ u jinħolqu iktar impjiegi, karrieri u postijiet tax-xogħol.
Komplew billi qalu li s-sena 2016 kienet sena importanti li kompliet tikkonsolida riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja ċivili u kummerċjali. Wiehed ifakkar li matul din is-sena biss ittieħdu numru ta’ miżuri li diġà bdew iħallu impatt pożittiv.