L-ekonomija Maltija se tibqa’ tikber u se tkun fost l-aqwa fl-Ewropa. Dan ingħad mill-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li saħansitra fl-aħħar rapport tiegħu dwar pajjiżna kellu jagħmel reviżjoni ’l fuq tat-tbassir li kien għamel xahar biss ilu.
Wara ġimgħat ta’ laqgħat intensivi f’pajjiżna stess minn rappreżentanti tiegħu, l-IMF kellu prattikament biss kliem ta’ tifħir għat-tmexxija ekonomika lokali.
Fl-aħħar rapport tiegħu, li għadu kemm ġie ppubblikat, l-IMF bassar li, din is-sena, l-ekonomija Maltija se tikber b’erbgħa fil-mija u bi tlieta punt ħamsa fil-mija fl-2024.
B’hekk spiċċa jgħolli t-tkabbir li għas-sentejn li huma minn kif antiċipa f’Ottubru.
Dan l-aħħar rapport tal-IMF ġie ppubblikat ftit jiem biss wara dak mill-Kummissjoni Ewropea, li wkoll qed tantiċipa li l-ekonomija Maltija se jkollha l-akbar rata ta’ tkabbir fost is-sebgħa u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea din is-sena u fis-sentejn li ġejjin.
Rapport ieħor din il-ġimgħa, dak tal-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s, jagħti lil pajjiżna ċertifikat ieħor għat-tmexxija għaqlija ekonomika tal-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, waqt li kkonfermatilna r-rating A2 bi prospetti stabbli. Dan waqt li pajjiżi oħrajn qed jaraw il-klassifikazzjoni tagħhom dejjem tonqos.
F’kummenti lil ONE News, il-kap tal-missjoni f’Malta tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Kotaro Ishi, enfasizza li l-irkupru b’saħħtu li kellha Malta mill-pandemija hu impressjonanti. Daqstant ieħor faħħar ir-reżlijenza li wera pajjiżna anke fejn jidħol it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu.
“L-ekonomija Maltija rkuprat b’ritmu mgħaġġel ħafna, b’mod b’saħħtu ħafna mill-pandemija u r-reżiljenza tal-ekonomija kontra x-xokkijiet tal-pandemija u l-kriżi tal-enerġija, wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, hi impressjonanti.”
Fir-rapport, l-IMF jinnota li, fost il-fatturi li kkontribwew għat-tkabbir ekonomiku, kienet hemm b’mod speċjali s-sostenn fiskali mogħti mill-Gvern, li permezz tal-politika ta’ stabbilità tiegħu fl-enerġija, ippermetta li l-familji u n-negozji ma jitgħabbew bl-ebda piżijiet fil-kontijiet tad-dawl u l-fuels, fost oħrajn.
Fl-istess ħin saret referenza wkoll għal kif ir-rata tal-qgħad lokali tinsab fl-aktar livelli baxxi fl-istorja.
Kotaro Ishi qalilna li l-isfidi li qed tiffaċċja l-ekonomija Maltija jibqgħu partikolarment l-għatx għall-ħaddiema u l-inflazzjoni li se tibqa’ fuq it-tnejn fil-mija minn qabel l-isfidi internazzjonali bla preċedent, anke jekk naqset drastikament meta mqabbel ma’ sena ilu.
Filwaqt li l-Fond Monetarju Internazzjonali wkoll hu tal-fehma li s-sussidji fuq l-enerġija għandhom jitneħħew u l-pajjiż jiffoka kompletament fuq il-qalba ambjentali, ġie rrimarkat il-pjan tal-Gvern li bih qed inaqqas id-defiċit.
“Id-diskussjoni tiffoka fuq kif l-awtoritajiet jindirizzaw dawn il-pressjonijiet u kif it-tkabbir fit-tul f’Malta jkun aktar sostenibbli.”
F’dan ir-rapport, l-esperti indipendenti għarfu anke l-progress li sar fil-qalba diġitali, permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza, li ġej minn fondi Ewropej.
L-IMF isemmi wkoll il-baġit soċjali għas-sena d-dieħla, li ġie ppreżentat fl-aħħar ta’ Ottubru. Isemmi kif dan introduċa aktar għajnuna lil gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, partikolarment il-pensjonanti, li se jkunu qed jiżdiedu bi ħmistax-il ewro fil-ġimgħa.
Ir-rapport ifaħħar il-miżuri li qed jieħu l-Gvern favur l-istabilità finanzjarja u l-ħidma fil-qasam tal-governanza.