Il-prospetti ekonomiċi ta’ pajjiżna ġew riveduti b’mod qawwi ’l fuq mill-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, fl-analiżi tagħhom imsejħa Regional Economic Outlook: Europe.
Hawn l-IMF ħabbar li, filwaqt li sa Ottubru li għadda kien jaħseb li l-ekonomija ta’ Malta kienet se tikber bi 3.3% din is-sena, issa qed jistenna li t-tkabbir se jkun dak ta’ 5%.
Dan ifisser li t-tkabbir ekonomiku għal pajjiżna ġie rivedut ’il fuq b’1.7%, li mhux biss hu b’saħħtu fih innifsu, iżda jfisser aktar meta, bil-maqlub, l-ekonomiji żviluppati Ewropej kellhom it-tbassir tagħhom imċekken b’0.4%.
L-akbar tumakka hawnhekk ħaditha l-Estonja, fejn issa, flok tkabbir, mistennija jkollha riċessjoni, bi prospetti ekonomiċi li marru lura bi 2.9%. L-IMF irreveda wkoll ’l isfel tkabbir antiċipat għall-Ġermanja, Franza u l-Olanda.
Il-fatt li Malta kellha l-aqwa reviżjoni fost it-tbassir kollha, ifisser li issa pajjiżna hu dak bl-aqwa tbassir għal din is-sena, bi tkabbir li jkun sitt darbiet il-medja Ewropea.
Pajjiżna mistenni jżomm dan il-primat tat-tkabbir ekonomiku anke fl-2025 u fl-2026. Is-sena d-dieħla, pajjiżna mistenni jikber b’4% u s-sena ta’ wara bi 3.6%.
Fiż-Żona Ewro, it-tkabbir ukoll antiċipat li jibqa’ kajman u jilħaq il-1.5% u l-1.4% fis-sentejn li ġejjin.
L-IMF ħabbar ukoll li qed jirrevedi ’l isfel it-tbassir tal-għoli tal-ħajja għal Malta, fejn issa qal li qed jistenna li s-sena li ġejja dan ikun ferm qrib il-livell ta’ 2%, li hi l-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew.
Sadanittant ir-rapport tal-IMF jindika li, meta titqies id-differenza fil-livell tal-prezzijiet, il-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ Malta kważi laħaq dak tal-Ġermanja. Fl-istess ħin, Malta hi l-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fl-Ewropa kollha.