Waqt li l-istituzzjonijiet internazzjonali huma mehdija biex jirrevedu ’l isfel it-tbassir ekonomiku tagħhom għaż-Żona Ewro u dak għall-ekonomiji il-kbar, l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, għadhom kemm irrevedew ’il fuq it-tbassir tagħhom għal Malta.
Minkejja l-isfidi tas-sitwazzjoni ekonomika preżenti, l-IMF biddel it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għall-2023 minn 4% għal 6.2%. Minbarra hekk, qed isostni li, fl-2024, l-ekonomija Maltija se tikber b’5%. Dan hu madwar għaxar darbiet ir-rata li l-istess esperti tal-IMF qed ibassru għaż-Żona Ewro u l-maġġoranza tal-ekonomiji Ewropej.
Fir-rapport annwali tiegħu fuq pajjiżna, l-IMF isostni li “Malta esperjenzat irkupru impressjonanti mill-pandemija”. Dan filwaqt li nnota li t-tkabbir se jkun “fost l-ogħla fl-Ewropa”.
Fost il-fatturi li wasslu għar-rapport tiegħu, l-IMF isemmi s-sostenn finanzjarju mogħti mill-Gvern kif ukoll id-deċiżjoni li jinżammu l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuel stabbli.
Bil-maqlub għal dak li tgħid l-Oppożizzjoni, jiġifieri li, skontha, il-Gvern mhux imexxi l-pajjiż sew, l-esperti barranin qalu li “d-direzzjoni politika ta’ Malta miexja sew fuq rakkomandazzjonijiet passati tagħha”.
L-esperti internazzjonali qalu wkoll kif r-rata tal-qgħad f’pajjiżna hi qrib livelli minimi storiċi u li l-pressjoni tal-għoli tal-ħajja qed tonqos.
Ibassru wkoll li, fis-sena li għaddiet, id-defiċit kien ta’ 4.75% li hu aħjar mill-mira fid-diskors tal-Baġit. Anke għas-snin li ġejjin, jinsabu aktar pożittivi mill-Gvern u qed jistennew li fl-2027 id-defiċit se jkun niżel taħt it-3%, mentri d-dejn nazzjonali se jibqa’ dejjem taħt is-60%.
Filwaqt li jinnotaw il-pjan tal-Gvern biex jonqos id-defiċit, l-esperti tal-Fond huma tal-fehma li s-sostenn fuq id-dawl u l-fuel għandu jitneħħa. Dan l-aktar għax jikkostitwixxi 40% tad-defiċit kif ukoll biex, skont l-IMF, ikun hemm inċentiv għal inqas konsum ta’ enerġija u imbottatura għall-qalba ambjentali.
Minkejja dan, fir-rapport tiegħu, l-IMF jinnota li, jekk jitnaqqsu s-sussidji b’żewġ terzi fuq medda ta’ sentejn, l-għoli tal-ħajja se jkun qed jiżdied b’mill-inqas punt perċentwali.
Ir-rapport isemmi wkoll l-fatt li l-Baġit 2024 fih numru ta’ miżuri ta’ sostenn soċjali u jfaħħar ukoll l-azzjonijiet tal-awtoritajiet Maltin favur l-istabbiltà finanzjarja kif ukoll il-ħidma fil-qasam tal-governanza. L-IMF jisħaq fuq il-bżonn li tkompli titjieb il-produttività, kif ukoll biex tkun aċċelerata l-qalba diġitali u d-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija Maltija. Dan filwaqt li faħħar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza.
Finalment l-esperti tal-IMF iħarsu fil-fond lejn it-tkabbir tal-produttività f’pajjiżna. Isostnu li “t-tkabbir akkumulat tal-produttività fid-dinja tax-xogħol kien ta’ 20% bejn l-2004 u l-2022, imqabbel ma’ 12% fl-Unjoni Ewropea”.
Filwaqt li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech issostni li pajjiżna għandu ekonomija taċ-cheap labour, l-esperti internazzjonali jgħidu li “t-tkabbir tal-produttività fl-impjiegi varjat 1.9% kull sena f’Malta, ferm ogħla minn pajjiżi oħrajn Mediterranji dipendenti fuq it-turiżmu”.
Anke fejn l-Oppożizzjoni tgħid li l-ħaddiema barranin naqqsu l-opportunitajiet għall-ħaddiema Maltin, l-IMF isostni bil-maqlub fejn jindika li l-ħaddiema barranin għenu biex il-Maltin jaħtfu opportunitajiet f’xogħlijiet li jħallsu aħjar.
Dwar dan ikkummenta wkoll il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali. Waqt li laqa’ t-tifħir tal-Fond Monetarju Internazzjonali, tenna li “l-għajnuna fis-settur tal-enerġija hi kruċjali”.
Kompla li “huwa minnu li qed ninvestu ħafna biex ngħinu lill-familji kollha, kif tinnota l-IMF stess, però dan mhu se jwaqqaf xejn mill-investiment li qed inkomplu nagħmlu fil-pajjiż. L-istabbiltà hija s-serħan tal-moħħ tal-familji u n-negozji. Għalhekk ħdimna u ġibna ftehim għal stabbiltà fil-prezzijiet ta’ 400 prodott tal-ikel.”