Il-Fond Monetarju Internazzjonali, IMF, ikkonferma l-impenn ta’ Malta favur l-iżvilupp sostenibbli, b’inizjattivi u investimenti fit-tisħiħ tal-infrastruttura tas-servizzi tal-pajjiż.
Stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika nnotat kif l-IMF jenfasizza l-avvanzi pożittivi fis-setturi tal-enerġija, l-ilma u l-iskart u jinnota l-isfidi diretti kkawżati minn temperaturi estremi, fejn anke jikkonferma li Malta għandha biżżejjed kapaċità ta’ enerġija biex tissodisfa d-domanda attwali tagħha, waqt li għaddejjin investimenti bi preparazzjoni għall-ħtiġijiet futuri.
Dan jikkumplimenta d-diversi proġetti, bħat-tieni interconnector, żewġ sistemi ta’ ħażna tal-enerġija fuq skala kbira, il-wind farm fuq wiċċ l-ilma kif ukoll l-impjant tal-waste-to-energy.
L-IMF jinnota wkoll kif Malta hi l-ewwel stat membru fl-Unjoni Ewropea bil-popolazzjoni kollha tagħha konnessa mal-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ.
Il-Ministru responsabbli Miriam Dalli qalet li l-inizjattivi mwettqa mill-Gvern qed iħallu l-frott, inkluż bit-tkabbir tal-flotta ta’ vetturi elettriċi, kif jinnotaw ukoll l-esperti tal-IMF.