Il-Bord Eżekuttiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, faħħar l-amministrazzjoni ta’ Malta partikolarment għas-suċċes tal-programm nazzjonali ta’ tilqim kontra l-COVID-19.
Il-bord tal-istituzzjoni kkonkluda li l-mod kif il-pajjiż wieġeb għen biex jonqos l-impatti tal-pandemija, fosthom dawk finanzjarji.
Grazzi għal dan ukoll l-IMF innota li s-sentiment ekonomiku rkupra tant li din is-sena, l-ekonomija Maltina taf tikber b’5.75%.
Dan filwaqt li jaf tikber b’ 6% sena oħra, l-ogħla tbassir ekonomiku li ngħata lil Malta. Dan huwa wkoll darba u nofs aktar milli għandu f’idejh il-Gvern.
L-IMF żied ukoll li l-għajnuna li qed tingħata mill-gvern b’rabta mal-pandemija m’għandhiex tieqaf ħesrem u bla ħsieb, u qed iħeġġeġ il-gvern biex malli tgħaddi l-pandemija jerġa’ jibni r-riżorsi fiskali tal-pajjiż u jibbilanċja mal-bżonn li jibqa’ jsir investiment infrastrutturali.
L-IMF laqa’ wkoll il-pjanijiet tal-gvern biex jonqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju, kif ukoll ir-riformi fil-qasam tax-xogħol u l-progress li sar biex ir-regolazzjoni finanzjarja u l-ħidma kontra l-ħasil tal-flus tibqa’ b’saħħitha.
Fi kliem l-IMF, Malta daħlet fi żmien pandemija b’ekonomija diġà b’saħħitha, u li d-direzzjoni li ħa l-gvern hija konformi ma’ rakkomandazzjonijiet passati tal-Fond stess. Skont kalkoli tagħhom l-għajnuna li ta l-gvern tul dak iż-żmien qabżet it-tlettax fil-mija, tant li mingħajrha Malta kienet tara żieda qawwija fil-qgħad.
L-esperti tal-IMF rreferew ukoll għall-politika fiskali tal-gvern u nnota li huwa possibbli li l-għajnuniet fiskali jitnaqqsu gradwalment għaliex id-dejn ta’ Malta huwa sostenbbli.
Dwar il-qasam diġitali l-IMF qal li Malta qed tvara bosta strateġiji għal din il-qalba, tant li sejjaħ lil pajjiżna fost l-aqwa fl-Ewropa f’dan il-qasam. Haqn laqgħu wkoll il-pjanijiet tal-gvern biex jonqsu l-emmissjonijiet. Żiedu wkoll kif id-diġitalizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna huma l-aqwa garanzija ta’ tkabbir akbar u aktar sostenibbli.
Il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ dan l-aħħar ċertifikat għal Malta, u fuq Twitter fakkar ukoll li qabel dan, Malta diġà kisbet erba’ ċertifikati eċċellenti oħra f’dan iż-żmien, fosthom mill-Kummissjoni Ewropea.
Fi stqarrija l-Gvern innota li dan ir-rapport huwa ċertifikat ieħor tal-effettività tal-istrateġija tal-gvern biex jilqa’ għall-pandemija u jibni prosperità ġdida. Fakkar ukoll li fil-baġit li se jitħabbar fil-11 ta’ Ottubru li ġej se jitħabbru ferm aktar miżuri biex dan l-għan jinkiseb.