Ir-rapport annwali tal-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF, li għadu kemm ġie ppubblikat, jagħti ċertifikat ieħor pożittiv lill-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan ġie rrimarkat ukoll mill-Prim Ministru f’messaġġ fuq il-pjattaforma X il-Ħamis filgħodu.
L-esperti tal-IMF iddikjaraw li “Malta kisbet waħda mill-akbar rati ta’ tkabbir fl-Ewropa fl-aħħar diċenju”, waqt li, grazzi għal dan, fl-aħħar snin il-ġid nazzjonali ras għal ras ta’ pajjiżna laħaq il-medja Ewropea. Dan kien ir-riżultat ta’ politika pro-attiva biex jiġu promossi industriji orjentati lejn l-esportazzjoni fejn, fl-aħħar erba’ snin, tali ritmu kien ferm aktar sostnut.
Għaldaqstant, minkejja s-sitwazzjoni ekonomika internazzjonali inċerta li teżisti, l-IMF ibassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jibqa’ fost l-ogħla fl-Ewropa. Fil-fatt ibassru li, matul din is-sena, il-ġid nazzjonali se jiżdied b’4% u mistenni jkompli fis-snin li ġejjin tant li r-rapport isostni li, fiż-żmien li ġej, l-ekonomija Maltija mistennija tkompli tikseb l-aħjar riżultati mill-bqija tal-istati Ewropej.
Ta’ min jinnota li l-esperti internazzjonali jbassru kif, fis-snin li ġejjin, se tonqos iż-żieda fil-ħaddiema barranin f’pajjiżna, fid-dawl tal-istrateġika tal-Gvern li jiffoka fuq attività ekonomika ta’ produttività għolja.
Skont l-IMF, Malta teċċella fid-diġitalizzazzjoni u li pożizzjonata tajjeb biex tgawdi mill-benefiċċji potenzjali tal-Intelliġenza Artifiċjali.
Għalhekk l-esperti ħeġġew lill-Gvern biex ikompli jiżviluppa strateġija ta’ tkabbir ekonomiku li tenfasizza l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, id-diġitalizazzjoni u l-qalba ambjentali. Dan filwaqt li laqgħu l-bidu tal-proċess biex tiġi żviluppata l-Viżjoni Malta 2050, li kif irrimarka l-Prim Ministru għandha twassalna għal prosperità ġdida.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika wkoll saħaq kif l-IMF ikkonferma l-impenn ta’ Malta favur żvilupp sostenibbli, li qed tadotta inizjattivi u investimenti biex issaħħaħ l-infrastruttura tas-servizzi tal-pajjiż.
L-IMF kompla wkoll jisħaq li jaqbel mad-direzzjoni ġenerali tal-politika fiskali tal-Gvern, fejn ġie nnotat kif id-dejn nazzjonali se jibqa’ madwar 50% tal-ġid nazzjonali.
Anke jekk l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tħobb tbeżża’ bis-sostenibilità tad-dejn nazzjonali, ir-rapport tal-esperti internazzjonali hu kategoriku dwar dan u jgħid li r-riskji huma vera baxxi.
Ir-rapport internazzjonali jfaħħar il-bidliet li wettqet l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela biex tjiebet ir-rata tal-ġbir tat-taxxa, filwaqt li ħeġġew lill-Gvern juża l-opportunità tal-bidla fir-reġim ta’ taxxa fuq negozji biex jintroduċi inċentivi favur aktar produttività.
Bħal fi snin oħrajn, l-IMF jirrakkomanda li jinteħħew is-sussidji fuq id-dawl u l-fuels, għax isostni li dawn jammontaw għal parti sostanzjali tad-defiċit tal-Gvern u li dawn il-flus jistgħu jintużaw għal aktar investiment pubbliku.
Minkejja dan, il-Gvern jemmen li, mingħajr tali sussidji, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jieħdu daqqa kbira, bir-riżultat li l-ekonomija tiddgħajjef, b’riskju kbir għall-finanzi pubbliċi u għall-investiment pubbliku u privat.
Min-naħa l-oħra, l-esperti internazzjonali jfaħħru l-politika tax-xogħol tal-Gvern, speċjalment is-suċċess qawwi biż-żieda tal-parteċipazzjoni tan-nisa u, kontra l-Oppożizzjoni, jaqblu mal-miżuri tal-Gvern biex ikun hemm aktar inċentivi biex kemm jista’ jkun ma jkunx hemm irtirar kmieni.
Ir-rapport tal-IMF ifaħħar ukoll ir-riformi ġudizzjarji, l-istess bil-maqlub tal-kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.