Imam Laiq Ahmed Atif u l-Komunità Ahmadiyya Musulmana għal darb’oħra wrew ġest ta’ solidarjetà u mħabba lejn residenti li bħalissa qed jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni fi ħdan iċ-ċentri terapewtiċi ta’ Caritas Malta.
Is-Sibt 16 ta’ Diċembru 2023, Imam Atif flimkien ma’ rappreżentanti tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana, qattgħu sagħtejn mar-residenti tal-Male shelter, kif ukoll fil-programm terapewtiku għall-irġiel u għan-nisa f’San Blas. Il-Komunità Ahmadiyya Musulmana qassmu rigali f’dawn il-ġranet ta’ festi lil kull resident. Twasslu wkoll rigali għall-programm terapewtiku tal-Prison Inmates Programme, Dar Charles Miceli u għaċ-ċentru terapewtiku tal-Ibwar.
Matul din iż-żjara, ir-residenti tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fil-vjaġġ ta’ rkupru u l-Imam Atif kompla bi kliem inkorraġġanti u ta’ tama għalihom. Faħħar l-isforz kollu tagħhom f’dan iż-żmien li qed jagħmlu u inkorraġġihom biex ma jitilfux it-tama u qatt m’għandhom jaqtgħu qalbhom, u jagħmlu iktar sforz jekk isibu din il-ġirja ftit diffiċli. Saħaq li xejn mhu impossibbli meta jkun hemm rieda u determinazzjoni qawwija. Dawn l-isfidi jsiru aktar faċli u fattibbli bit-talb u r-relazzjoni mill-qrib ma’ Alla l-Ħanin.
Il-koordinatur ta’ servizzi ta’ riabilitazzjoni fi ħdan Caritas Malta, is-Sur Ian Diacono, akkumpanja lil Iman Atif matul din iż-żjara. Esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħbiberija li żviluppat bejn il-Komunità Ahmadiyya Musulmana u Caritas Malta u wkoll irrikonoxxa s-sapport li din il-Komunità tagħti lil Caritas matul is-sena. B’apprezzament irrikonoxxa li din hija s-seba’ sena ta’ żjara tal-Komunità Ahmadiyya Musulmana.
Ir-residenti wkoll urew l-apprezzament tagħhom għar-rigali li rċevew u anki esprimew kemm tfisser għalihom żjara bħal din, u messaġġ ta’ kuraġġ, imħabba u solidarjetà.
Huwa spjega li l-Komunità Ahmadiyya Musulmana dejjem temmen u tippromwovi l-valur tal-paċi u l-għaqda bejn l-umani kollha, u tipprattika l-motto tagħha, “Imħabba għal Kulħadd, Mibegħda għal Ħadd.”