L-Imam Mohammad Elsadi laqa’ l-aħbar tal-mewt tal-mexxej tal-Istat Iżlamiku Abu Bakr al-Baghdadi.
“Al-Baghdadi kien għadu tal-Musulmani u l-umanità u ħataf ir-reliġjon Iżlamika”, saħaq il-mexxej reliġjuż tal-Musulmani f’Malta.
Fi stqarrija Elsadi qal li l-mexxej tal-grupp fundamentalista abbuża mit-tagħlim veru tar-reliġjon Iżlamika.
“Nispera li ma jkunx hemm gruppi oħra li jxerrdu d-demm fost il-popli differenti tad-dinja”, qal Elsadi.
Matul il-jum tal-Ħadd, il-President Amerikan ħabbar li al-Baghdadi miet flimkien ma’ għadd ta’ persuni viċin tiegħu wara li sploda lilu nnifsu f’mina taħt l-art.
Huwa kien qed jipprova jaħrab mill-qawwiet Amerikani.
Il-President Donald Trump saħaq li testijiet tad-DNA kkonfermaw l-identità ta’ al-Baghdadi.