Il-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar saħqet li l-ilment li għamlet dwarha l-Ewroparlamentari Ana Gomes huwa għalkollox frivolu u jikkontradixxi dak li qalet Gomes stess dwar il-libertà tal-espressjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista ppubblikat t-tweġiba uffiċjali li d-depuat Laburista Rosianne Cutajar bagħtet lid-Direttur Eżekuttiv ta-Europol Catherine De Bolle permezz tal-Avukat Edward Zammit Lewis.
Hija stqarret li hija sitwazzjoni ironika li Gomes li għamlet numru ta’ allegazzjonijiet dwar Malta u issa ser tiftaħ każ kriminali kontriha talli rreferiet għal artiklu li allega li Gomes għandha xi tip ta’ konnessjoni ma’ frodist.
Cutajar qalet li l-allegazzjonijiet li għamlet Gomes fl-ilment tagħha m’għandhom l-ebda bażi ta’ verità għax hi m’għandha l-ebda rabta mas-sit elettroniku li għamel l-allegazzjonijiet kontra Gomes.
Id-deputat Cutajar saħqet li hi għamlet biss referenza għall-artiklu u għaddiet kumment politiku ġust dwar persuna pubblika u li huwa dritt fundamentali ta’ kull ċittadin f’soċjetà demokratika.
Hija nnotat li l-Ewroparlamentari Gomes ġiet Malta diversi drabi biex titkellem dwar il-libertà tal-espressjoni. Dan filwaqt li issa qed tipprova ssikkitha billi fetħet rapport kriminali kontriha.
Cutajar ċċarat ukoll li r-referenza li għamlet Gomes għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-ilment tagħha huwa barra mill-kuntest u kkundannat il-qtil tal-ġurnalista u esprimiet il-qbil tagħha mal-pożizzjoni tal-Gvern li jinvestiga dan il-qtil sakemm jiġi solvut.
Hija temmet tgħid li ma teskludix li tiftaħ proċeduri kontra Gomes dwar rapporti foloz u għemil abbużiv.