Rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent wera kif il-kwalità tal-ilma għall-għawm f’pajjiżna huwa t-tieni l-aqwa fl-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Albanija u l-iSvizzera.
Ir-rapport li assessja l-kwalità tal-ilma għas-sena 2021 u li deher fuq is-sit tas-CNN, klassifika aktar minn wieħed u għoxrin elf u ħames mitt żona tal-għawm f’ħames faxxex differenti minn eċċellenti sa mhux klassifikati skont l-kundizzjoni tal-ilma rispettiva.
Il-kriterji jinkludu l-assessjar tal-livell tal-bacteria f’kampjuni tal-ilma li jinġabru mill-awtoritajiet matul is-sena, bid-drenaġġ fil-baħar u skart huma l-aktar żewġ fatturi li jnaqqsu l-kwalità tal-ilma għall-għawm.
Dan bil-konsegwenza li bajjiet li m’għandhomx kwalità tajba ta’ ilma jaffettwaw is-saħħa tal-għawwiema fosthom uġigħ fl-istonku u fis-sistema diġestiva.
L-ilma għall-għawm f’pajjiżna kollu ssodisfa l-kriterji stabbiliti u b’mod notevoli erbgħa u tmenin żona minn sebgħa u tmenin ġew klassifikati li għandhom ilma eċċellenti, ekwivalenti għal sitta u disgħin punt sitta fil-mija.
Dan filwaqt li żewġ żoni ġew klassifikati bħala tajbin u żona waħda biss għandha l-ilma meqjus bħala suffiċjenti.
Ir-rapport innota wkoll kif il-kwalità tal-ilma tal-bajjiet ilha waħda tajba ferm għaldaqstant ma ġie rreġistrat l-ebda tibdil fil-kwalità tal-ilma.
Hawn ġie mfaħħar ukoll il-fatt kif il-kalendarju ta’ assessjar ġie implimentat fl-intier tiegħu dwar kull żona tal-għawm.
Bil-proporzjon tal-ilma għall-għawm eċċellenti f’pajjiżna, kienet l-Awstrija biss li qabżet lil Malta b’sebgħa u disgħin punt sebgħa fil-mija tal-ilma klassifikat bħala eċċellenti. Il-Greċja qed issegwi lil Malta fit-tielet post b’ħamsa u disgħin punt tmienja fil-mija tal-ilma eċċellenti.
Minn naħa l-oħra l-inqas pajjiżi bi kwalità tal-ilma għall-għawm eċċellenti kienu l-Ungerija, l-Islovakkja u l-Polonja.
Ir-rapport iservi wkoll ta’ gwida għal dawk it-turisti li jagħżlu lill-Ewropa bħala d-destinazzjoni tagħhom hekk kif l-għawm huwa attività popolari matul x-xhur sajfin.