“Ħolm tal-Milied” u “Ġrajjiet in-Nannu Ċens.”
Bħalissa, il-pubbliku jinsab fiċ-ċans li jżur esebizzjoni ta’ illustrazzjonijiet minn dawn il-kotba tant sinonimi mat-tfal Maltin u Għawdxin.
ONE News tkellem mal-Awtur u Illustratur Trevor Zahra, li mhux biss kiteb l-istorja, iżda wkoll pitter l-illustrazzjonijiet biex jakkumpanjawha, liema illustruzzjonijiet, qed jiġu esebiti fl-Ispazju għall-Arti u t-Teatru , fil-Park Nazzjonali, Ta’ Qali.
Zahra sostna ma’ dan l-istazzjoni kif dawn l-illustrazzjonijiet, żgur mhux forsi jfakkruna fil-kotba ta’ tfulitna.
Qal, “Meta wieħed jaqra storja tat-tfal, żgur mhux forsi, qisu joħodha bħala regola li hemm l-istampi. Imma wieħed forsi ma jirrealizzax li l-istampi jkunu parti importanti mill-istorja. Mhumiex qegħdin hemmhekk sempliċiment biex iżejnu l-ktieb, iżda biex l-istorja tiġi rrakontata.”
Huwa spjegalna, li l-illustruzzjonijiet tiegħu huma magħmula b’tekniċi u stili differenti, xi kultant anke magħquda flimkien.
Stqarr, “L-istil jinbidel skont l-istorja li jkun qed jirrakkonta l-ktieb. Jiġifieri għandi xogħol bil-pinna, l-aktar xogħol antik kważi dak, imbagħad għandi xogħol anke bl-akwarella, bil-lapsijiet tal-kulur, u dan l-aħħar ħdimt ukoll ħafna xogħol bil-kompjuter. Jiena nħobb l-ewwel skeċċ nagħmlu b’idejja, u nkomplihom bil-kompjuter.”
Fil-fatt huwa spjegalna li saħansitra joħloq immaġini permezz ta’ karta, mqass u d-dellijiet li jinħolqu.
Barra minn hekk, fl-istess post hemm ukoll esebizzjoni li tinkludi pjanti, mapep u disinji ta’ bosta postijiet Maltin, mill-Arkivji tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Il-maġġoranza tad-disinji huma relatati mal-ħakma Ingliża f’pajjiżna, u kif ukoll meta Malta bdiet titmexxa mill-Maltin.
Fosthom insibu l-pjanti u d-disinji tal-Istadium Nazzjonali, f’Ta’ Qali.
Il-materjal esebit, huwa kollu akkumpanjat minn informazzjoni.
Din l-esebizzjoni li ilha miftuħa mill-21 ta’ Frar, se tkun miftuħa sad-19 ta’ Marzu, bejn id-disgħa u t-tmienja, fost il-ġimgħa, u mid-disgħa sas-sebgħa fi tmiem il-ġimgħa.