L-erba’ ljuni u pantera li ġew irrapportati li qegħdin jgħixu fi stat ħażin fin-Naxxar, fil-fatt qed jiġu mitmugħha u jinsabu taħt is-sorveljanza tad-Direttorat għar-Regolamenti Veterinarji u l-Pulizija.
Fil-fatt, id-Direttorat ikkonferma kif ittieħdet azzjoni ta’ infurzar hekk kif l-annimali eżotiċi qegħdin jingħataw l-ikel u x-xorb meħtieġ filwaqt li kien żgurat li s-sit fejn jinsabu huwa wieħed sigur, kemm għall-annimali nfushom iżda anki għall-pubbliku inġenerali.
Crew ta’ dan l-istazzjon żar il-post fejn qed jinsabu dawn l-annimali eżotiċi, wara li fl-aħħar sigħat ġew infurmati bil-każ l-awtoritajiet konċernati.
Fuq il-post fejn setgħet tintlemaħ il-preżenza tal-Pulizija, tkellimna mal-attivista Althea Galea, li spjegat kif dan il-każ ġie rrappurtat.
“Propju l-ġimgħa li għaddiet irċevejna filmat fejn kien jidher iljun ġo gaġġa fid-dlam u għaldaqstant, aħna ġejna fuq il-post biex nivverifikaw is-sitwazzjoni, kif inhi mingħajr ma nallarmaw lill-awtoritajiet u naraw x’inhi eżatt is-sitwazzjoni.”
Althea Gatt
Fid-dawl li l-annimali jinsabu f’post privat, id-Direttorat ġie nfurmat minnufih hekk kif kien ikkonfermat li saret spezzjoni fuq is-sit minn diversi awtoritajiet bil-għan li s-sitwazzjoni tkun riżolta.
“It-Tlieta ġejna hawnhekk kien hawn il-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, id-Direttorat għar-Regolamenti Veterinarji u l-ERA li kienu qed jinvestigaw eżatt x’ġara. Mill-filmati bdejna nindunaw li hemm aktar minn iljun wieħed għaliex l-għajtiet kienu differenti u l-ħalq tal-iljun ma bediex jiċċaqlaq u għaldaqstant, irriżulta li hemm erba’ iljuni u pantera.”
Althea Gatt
Galea kompliet tispjega kif l-annimali se jibqgħu jinżammu f’posthom sakemm tinstab alternattiva flimkien mas-sid.
“Bħalissa ovvjament, dawn l-annimali ħa jibqgħu jinżammu hawnhekk taħt is-sorveljanza tal-Pulizija, qed jiġi xi ħadd jitmagħhom kuljum sakemm tinstabilhom soluzzjoni.”
Althea Gatt
Il-kelliema għall-Ministeru responsabbli mill-Ħarsien tal-Annimali, ikkonfermat ma’ dan l-istazzjon li bħalissa għaddejjin taħtidiet biex ikun assigurat il-benesseri ta’ dawn l-annimali filwaqt li fis-sigħat u l-ġranet li ġejjin mistennija li jittieħdu l-passi kollha neċessarji. Mhux ikun eskluż li jittieħdu azzjonijiet fil-konfront ta’ sid l-annimali, bil-għan li dan jirregolarizza ruħu u l-annimali jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti.