L-erba’ ljuni u pantera, li nstabu f’post f’kundizzjoni ħażina fin-Naxxar, ġew rilokati f’post li jilħaq l-istandards meħtieġa, kemm għall-benesseri tal-istess annimali kif ukoll għas-sigurtà tal-pubbliku.
Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, f’kummenti li kien qed jagħti lill-ġurnalisti wara konferenza tal-aħbarijiet.
L-annimali eżotiċi kienu nstabu fl-aħħar jum tas-sena l-oħra u kienu qed jiġu mitmugħin u mħarsa mis-sorveljanza tad-Direttorat għar-Regolamenti Veterinarji u l-Pulizija.
Sadanittant, fi stqarrija ntqal li għalkemm il-post ma kienx jilħaq l-istandards minimi meħtieġa għall-benesseri tal-annimali, il-valutazzjonijiet tal-uffiċjali veterinarji kkonfermaw li l-annimali kienu fi stat ta’ saħħa tajba.
L-individwu responsabbli għal dawn l-annimali ġie nnotifikat kif suppost biex jiżgura post adattat u legalment konformi għal dawn l-annimali. Filwaqt li l-awtoritajiet esploraw il-possibilità li jiġu rilokati, fosthom f’zoos lokali, dawn l-isforzi ma wasslux għal soluzzjoni vijabbli. Konsegwentement, inbdew ukoll diskussjonijiet ma’ organizzazzjonijiet barranin bħala kontinġenza f’każ li tkun meħtieġa rilokazzjoni barra mill-pajjiż.
Wara kunsiderazzjonijiet ta’ siti oħra fejn jinżammu l-annimali perikolużi instab sit alternattiv u l-annimali ġew rilokati f’sit fir-Rabat. Ir-rilokazzjoni twettqet taħt superviżjoni stretta mill-awtoritajiet rilevanti u l-Pulizija biex jiġi żgurat it-trasport sigur u uman tal-annimali. Id-Direttorat għar-Regolamentazzjoni Veterinarja aċċerta li l-istrutturi fejn jinsabu dawn l-annimali issa huma xierqa għal dawn l-annimali u għaldaqstant id-Direttorat huwa sodisfatt mill-‘enclosures’ il-ġodda tagħhom.
Bħalissa l-annimali jinsabu fil-proċess li jiġu rreġistrati formalment skont l-Avviż Legali 43 tal-2025 li ġie promulgat reċentement. Ir-reġistrazzjoni tal-annimali ma tipprovdix immunità minn prosekuzzjoni relatata ma’ ksur preċedenti. Għaldaqstant, għaddejjin proċedimenti legali kontra l-persuna responsabbli għaż-żamma illegali ta’ annimali perikolużi u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon tal-istandards għat-trattament xieraq tal-annimali. Skont l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, l-ewwel kundanna tista’ tirriżulta f’multa li tvarja minn €2,000 sa €65,000, ħabs sa tliet snin, jew it-tnejn. It-tieni kundanna jew waħda sussegwenti tista’ tirriżulta f’multa bejn €6,000 u €80,000, ħabs sa tliet snin, jew it-tnejn.
“L-iljuni tpoġġew f’sit li hu rreġistrat mal-Animal Welfare, li tfisser li dawn għandhom l-istandards kollha għas-sigurtà tagħhom. Irrid ngħid li dawn l-annimali huma perikolużi u dejjem kienu fi stat ta’ saħħa tajba.”
Il-Ministru Anton Refalo