Mis-Sibt li ġej, il-maskra trid tinlibes kullimkien anki f’postijiet pubbliċi u fil-miftuħ.
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar servizz tas-saħħa ġdid għall-kura tas-saħħa mentali.
Il-Ministru tas-Saħħa spjega kif sal-lum, jidher li f’Malta għad m’għandniex każijiet tal-varjant il-ġdid, Omicron iżda fisser kif bħalma ġara bid-Delta, wieħed ibassar li fiż-żmien li ġej l-Omicron ukoll jidħol Malta.
F’miżura preventiva għal meta jidħol il-varjant il-ġdid, li sa issa jidher li jinfirex iktar malajr minn varjanti oħra, Chris Fearne qal li l-ilbies tal-maskra fuq barra se jerġa’ jsir obbligatorju biex nipproteġu lilna nfusna.
Il-Ministru tas-Saħħa spjega wkoll li se jonqos il-perjodu bejn it-tieni u t-tielet doża tal-vaċċin, tant li mil-lum stess se jonqos il-perjodu ta’ bejn it-tieni u t-tielet doża minn sitt xhur għal erba’ xhur. Dan ifisser li persuni li ħadu t-tilqima sa erba’ xhur ilu jistgħu jieħdu d-doża addizzjonali biex ikollhom l-immunità msaħħa.
Id-Deputat Prim Ministru saħaq li studji xjentifiċi juri li l-booster jaħdem kontra l-varjant Omicron.
Il-Ministru Fearne ħabbar ukoll li l-ewwel tilqim tal-Covid-19 għat-tfal ta’ bejn il-ħames snin u l-ħdax-il sena se jasal Malta nhar it-Tnejn li ġej u mill-għada jibda jingħata t-tilqim lit-tfal. L-ewwel li se jirċievu l-istedina għat-tilqima huma tfal b’mard kroniku u allura meqjusa vulnerabbli, u d-doża hija terz ta’ dik tal-adulti.
F’ġimgħa meta kien Brussell ma’ Ministri Ewropej oħra tas-Saħħa, il-Ministru Fearne qal li jidher ċar li l-ikbar rati ta’ mwiet qegħdin fil-pajjiżi fejn hemm rati baxxi ta’ tilqim. Dan jikkonferma l-effettività tat-tilqim kontra l-Coronavirus.