Statistika tal-Unjoni Ewropea wriet kif f’pajjiżna l-iktar etajiet li fihom ommijiet jagħtu l-ħajja lil trabi ġodda huma dawk ta’ ’l fuq minn 25 sena, iżda inqas minn 35 sena. Dan fl-istess ħin li Malta xorta waħda għandha fost l-ikbar rati ta’ twelidiet lil nisa taħt l-20 sena. Fil-fatt Malta hija t-tmien pajjiż fl-Unjoni Ewropea li b’rata ta’ 4.4% mit-twelidiet kollha lill-ommijiet f’din l-età għandha rata li hi wkoll ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea.
Fl-2017, is-sena li tħares lejha din l-istatistika, f’Malta kien hawn 2,283 twelid. Wieħed minnhom kien għand omm li għandha bejn 10 u 14-il sena. Kien hemm 99 twelid għand ommijiet adolexxenti li jkunu għadhom m’għalqux l-20 sena. Kien hemm ukoll 50 twelid lill-ommijiet li għandhom iktar minn 40 sena, erbgħa minnhom għand ommijiet li qabżu l-45 sena iżda iżgħar minn 50 sena. Ma kien irreġistrat l-ebda twelid lill-ommijiet fuq il-50 sena. Xi ħaġa li ġrat f’xi pajjiżi oħra.
L-istatistika kompliet turi li “Malta xorta waħda għandha fost l-ikbar rati ta’ twelidiet lil nisa taħt l-20 sena”.