Issa li ġiet żvelata t-tieni kumpanija li biha nħbew id-donazzjonijiet ta’ €600,000 li l-Partit Nazzjonalista rċieva minn DB group, il-Partit Laburista ssokta jippersisti iktar minn qatt qabel biex Simon Busuttil jippubblika l-invoices tiegħu.
Simon Busuttil huwa qaddis falz, qalet is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar. Busuttil gideb b’ wiċċu minn quddiem lill-ġurnalisti meta ċaħad li rċieva d-donazzjonijiet ta’ mijiet t’elf ewro minn DB group, imma kienu l-istess ġurnalisti li kixfulu l-maskla tiegħu.
“Il-problema ta’ Simon Busuttil, hi li ma jistax jirrispondi l-mistoqsijiet għax dan skandlu li jibda u jispiċċa miegħu – jinsab waħdu u maqbdu f’morsa,” qalet Cutajar.
Qatt ma kien hawn każ ieħor fejn kap tal-Oppożizzjoni daħal hu b’mod personali u nnegozja kuntratt bħal dan man-negozjanti għad-donazzjonijiet qal il-Minsitru Edward Zammit Lewis. Ilna ġimgħat nagħmlu sfida lil Simon Busuttil biex jippublika l-invoices u biex jirrispondi jekk hemmx negozjanti oħra jħallsu l-pagi tal-ħaddiema tal-PN.
“Simon Busuttil huwa l-iktar politiku fl-istorja lokali li qatt daħal personalment fi skandlu ta’ donazzjonijiet illegali – issa li nqabad l-unika arma li fadallu hija l-gideb sfaċċat” sostna Zammit Lewis.
Simon Busuttil qed jinqabad f’ gidba wara oħra li tneħħilu kull kredibilita fuq livell politiku u li anka turi ksur tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti. “Issa irid jara x’se jagħmel Simon Busuttil” temm jgħid il-Ministru.