Fir-raħal tas-sajjieda, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-viżjoni tal-Partit Laburista għas-settur tas-sajd u qal li l-manifest elettorali l-ġdid għandu sezzjoni sħiħa fuq is-sajd; b’inċentivi fl-infrastruttura u oħrajn finanzjarji.
Il-Prim Ministru ħabbar li jekk jingħata l-fiduċja fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu li ġej, il-Partit Laburista fil-Gvern se jiddiskuti mal-banek il-possibilità li jinħolqu strumenti finanzjarji speċifikament biex jappoġġjaw lill-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda.
Qal ukoll kif se jsir investiment fil-bini mill-ġdid tal-breakwater ta’ Marsaxlokk man-naħa ta’ Delimara biex il-port tas-sajjieda jkun aktar kenni mill-maltemp u adegwat għall-bastimenti tal-baħar.
Il-Prim Ministru qal kif Gvern Laburista ġdid se jibqa’ jaħdem biex itejjeb il-faċilitajiet ta’ landing sites u l-infrastruttura ta’ pilastri li joffru s-servizz ta’ dawl u ilma fil-portijiet tas-sajjieda.
Il-Mexxej Laburista qal li jifhem l-importanza ta’ dan is-settur għal pajjiżna u għalhekk se jaħdem biex jibqa’ relevanti.
“Miżura oħra aktar speċifika li se nniedu skemi ta’ kumpens għal dawk is-sajjieda li jiddeċiedu li jirtiraw u se jittrasferixxu l-opri tal-baħar tagħhom u l-liċenzji għal sajjieda li jkunu żgħażagħ jew għadhom deħlin f’din is-sengħa.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru wiegħed ukoll skemi finanzjarji li jkunu aċċessibbli għal sajjieda li jridu jixtru l-ewwel bastiment tagħhom.
Fl-istess waqt, bħalma qed isir f’setturi oħra, f’dak tas-sajd ukoll se tingħata għajnuna biex jiġu adottati prattiċi li jkunu ambjentalment sostenibbli.