Dalwaqt żmien il-Milied – żmien li ħafna jagħtu kaxxi taċ-ċikkulatini bħala rigal.
Fost dawn iċ-ċikkulatini hemm il-famuża kaxxa Celebrations tal-kumpanija Mars Wrigley – taħlita ta’ ċikkulatini popolari ta’ togħmiet differenti.
Il-kumpanija ħadet deċiżjoni kontroversjali wara li sabet li 39% tal-konsumaturi jippreferu kieku l-kaxxa Celebrations tkun mingħajr iċ-ċikkulata Bounty b’mod permanenti.
B’hekk, se joħorġu verżjoni limitata ġdida fis-suq Ingliż: verżjoni “No Bounty”, għal dawk li m’humiex ħerqana għat-togħma ta’ coconut maċ-ċikkulata.
Minflok, se jkun hemm aktar ħelu popolari: Mars, Snickers, Milky Way, Galaxy u Maltesers.
Mars Wrigley qalu li skont ir-riċerka fost 2,000 Brittaniku ta’ bejn it-18 u l-65 sena, 18% iħossuhom irritati meta jsibu li fadal biss Bounty fil-kaxxa, filwaqt li 58% jemmnu li dan saħansittra jwassal għal argumenti fil-familja.
Għal min iħobb il-Bounty – għad hemm tama. Mars Wrigley qalu li mhux lesti jagħmlu deċiżjoni finali dwar ineħħux din iċ-ċikkulata mill-kaxxa Celebrations, għax 18% ta’ dawn intervistati qalu li hija ċ-ċikkulata favorita tagħhom.