Ħadd ma weġġa’ wara li nirien qawwija qerdu għal kollox il-gabbana maħbuba minn bosta fil-pjazza tal-Ħamrun, liema każ seħħ għall-ħabta tat-tmienja u għaxra fi Pjazza Fra Diegu.
Immedjatament fuq il-post waslu ħaddiema tat-tifi tan-nar li bdew b’ħidma sabiex jitfu n-nirien.
Xhieda fuq il-post tal-inċident filgħaxija, stqarru ma’ ONE News li nstemgħu wkoll numru ta’ splużjonijiet.
Wara l-aħbar tan-nirien, kienu bosta li esprimew id-dispjaċir tagħhom wara li raw din il-gabbana tant magħurfa u maħbuba.
ONE News tkellem ma’ iben is-sid tal-gabbana, Christian Cacciattolo, li minkejja l-inċident xejn sabiħ, huwa grat xorta waħda li kollox għadda b’wiċċ il-ġid.
“Stramba jekk ngħidlek inħossni fortunat li ma weġġa’ ħadd, għax l-iktar ħaġa li kienet f’qalbna hi li ma jweġġa’ ħadd. L-affarjiet imorru u jiġu, se nippruvaw nagħmlu aħjar minn li kellna. Sadattant nibqgħu naħdmu minn fuq pjattaformi oħra tal-ikel u mill-ħwienet li qed joperaw bħalissa. L-iktar ħaġa importanti kif għidtlek, li ma weġġa’ ħadd. Minn hawn u ftit ieħor, kollox jitranġa.”
Stqarr ukoll li hu u l-familja tiegħu huma grati tal-appoġġ li rċivew fuq il-mezzi soċjali u sostna li minkejja dan l-inċident ikrah, huwa xorta waħda ottimist.
“Apprezzajna ħafna s-sapport u n-nies għas-sens ta’ dispjaċir li ġara hekk.”