Sewwieq tal-Formula 4, li għandu biss sbatax-il sena tilef saqajh it-tnejn wara li kien involut f’wieħed mill-“agħar” inċidenti ta’ dan l-isport.
Billy Monger sofra ġrieħi gravi u qed jiġġieled għal ħajtu wara li l-Ħadd kellu impatt ma’ sewwieq ieħor f’Donington Park.
Id-Derby Telegraph irrapportat li s-sewwieq kien maqbud fil-karozza għal madwar 90 minuta dan hekk kif l-operazzjoni ta’ salvataġġ kienet waħda delikata.
It-tobba ta’ Queens’ Medical Centre f’Notthingham spjegaw li ż-żagħżugħ huwa mistenni li jqum minn koma fil-ġranet li ġejjin.
Fi stqarrija qalu li jinsabu kuntenti li l-kundizzjoni ta’ Billy qed taqleb għall-aħjar.
Qabel it-tellieqa, Billy kiteb fuq Twitter li kien imiss li hu jsir ic-champion tal-Formula 4 tal-2017, iżda żgur li qatt ma bassar li kien se jitlef saqajh it-tnejn waqt li kien qed jipprattikka l-aktar delizzju li jagħmlu kuntent.
Il-familja kellha kliem ta’ ringrazzjament għat-tobba u dawk kollha li b’xi mod taw l-għajnuna tagħhom lil Billy.