F’Kemmuna, l-ikkampjar jista’ jsir biss fiż-żona f’tal-Ful. Dan qalitu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, fi stqarrija fejn qalet li l-ikkampjar f’postijiet ‘il barra miż-żona f’tal-Ful iridu permezz mill-istess awtorità.
L-ERA, fl-istqarrija kompliet tgħid li hija tevalwa kull talba qabel, ma jingħata l-permess sabiex wieħed jikkampja ‘l barra miż-żona f’tal-Ful.
Il-campings jistgħu jsiru d’din iż-żona wara li AmbjentMALTA għamlet xogħol ta’ ristrutturar. F’dan ix-xogħol sar tneħħija ta’ materjal mormi illegalment, l-installazzjoni ta’ fencing, tħawwil ta’ siġar varji u invellar tal-art.
F’Jannar l-istess awtorità ħarġet azzjonijiet ta’ infurzar li ttieħdu fil-viċinanzi ta’ Santa Marija f’Kemmuna stess, hekk kif kienu qed isiru diversi affarijiet irregolari. Din l-attività kienet qed twassal għal qerda ta’ speċi fiż-żona.
Il-permessi temporjanji nħarġu b’rabta ma’ kundizzjonijiet speċifiċi. Fost l-oħrajn min jingħata permess irid jiżgura li ma’ ssir ebda ħsara lil speċi protetti u li tittieħed kull prekawzjoni biex ma’ ssirx ħsara lill-ambjent. Min jingħata permess irid jirrispetta l-istatus protett taż-żona u ma’ jgħamel ebda tibdiliet fiżiċi lis-sit jew fil-madwar. Min jingħata permess huwa responsabbli mill-ġbir u rimi ta’ kwalunkwe skart iġġenerat. Is-sit irid jitnaddaf u jitħalla fl-istat oriġinali tiegħu minn min ingħata l-permess, mingħajr ma jikkawża ħsara lis-sit u lill-ambjent tal-madwar.
Kundizzjonijiet oħra jirreferu għall-ammont ta’ dawl u ħoss iġġenerat, l-użu ta’ barbeques, generators, fjuwel likwidu u materjal ieħor li jista’ jkun perikoluż. Il-kundizzjonijiet imposta jridu jkunu rispettati tul l-attivitajiet kollha li jsiru fuq is-sit.