Il-kandidat Nazzjonalista f’elezzjoni ġenerali, Kevin Cassar qal li l-ikel bi prezz stabbli parti mill-inizjattiva ta’ ‘Stabbiltà fil-prezzijiet’ iqabbdek l-iskorbut, marda tas-seklu 18.
Fit-Times, ħaten Beppe Fenech Adami kritika l-inizjattiva ta’ Stabbiltà u qal li jekk tiekol biss l-ikel ta’ stabbiltà, u skontu din hi l-lista tal-Labour, tqabbdek din il-marda ġejja minn żmien il-Kavallieri u l-kursara, li kienet taqbad lil baħħara fuq vjaġġi fit-tul.
L-iskorbut hija llum marda rari f’pajjiżi żviluppati u taqbad għax ikollok nuqqas ta’ vitamina Ċ.
L-effetti tagħha fost oħrajn hu li twaqqa’ s-snien.
Cassar kritika l-inizjattiva ta’ Stabbilta b’aktar minn 400 prodott bi prezz stabbli wara ftehim bejn il-Gvern mal-importaturi u ma’ tal-ħwienet.
Bernard Grech ukoll kien kritika l-inizjattiva ta’ Stabbiltà fejn qabbel din ma’ tneħħija tat-tfarfir taż-żebgħa.
Cassar, li kien ikkontesta l-elezzjoni tal-2017 mal-PN iżda baqa’ ma nġabarx u ssuppervja meta laħaq Adrian Delia bħala Kap, mhux l-ewwel darba li jikteb kontra l-inizjattivi ta’ Gvern Laburista apparti li jinfexx f’tgħajjir fil-konfront tal-Laburisti.
Fil-fatt kien qal li kien qed jikkwota survey fejn qal li l-inqas edukati fil-pajjiż jappoġġjaw lill-Partit Laburista.
Inċidentalment fl-istess jum li Kevin Cassar qal li l-prezz stabbli fuq prodotti essenzjali jqabbdek marda tas-seklu 18, il-gazzetta KullĦadd irrappurtat li aktar minn irduppjaw il-ħwienet imsieħba fl-inizjattiva ta’ stabbiltà.
L-inizjattiva bdiet b’200 ħanut u llum dawn telgħu għal 517 fejn aktar ħwienet anki żgħar issieħbu f’din l-inizjattiva permezz ta’ applikazzjoni sempliċi fuq ekonomija.gov.mt.
Il-KullĦadd irrappurtat mhux biss fuq ir-rispons pożittiv iżda anki dwar kif l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet huwa wieħed effikaċi.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri, meta kienet imħabbra din l-inizjattiva mill-Prim Ministru Robert Abela, kien spjega kif l-aktar minn 400 prodott essenzjali li raw roħs ta’ 15% fuq il-prezz rakkomandat u se jżommu l-istabbiltà fil-prezz, ġew magħżula wara analiżi bir-reqqa dwar liema huma dawk l-aktar prodotti kkunsmati u li kienu raw żieda fl-aħħar xhur.