L-2016, li tintemm illum, rat l-ikbar żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt mill-2009. Żieda li kompliet tkun instigata minn deċiżjonijiet tal-pajjiżi produtturi taż-żejt li ddeċidew li jnaqqsu l-produzzjoni.
Tul din is-sena l-prezz taż-żejt Brent, li jaffettwa lill-pajjiżna, żdied bi 52%. Qatt ma kien hemm żieda daqstant kbira fl-aħħar seba’ snin.
Waħda mill-iktar deċiżjonijiet li kellhom impatt fuq il-prezz kienet id-deċiżjoni li tidħol fis-seħħ min għada dik li tonqos il-produzzjoni biex it-tliettax il-pajjiż li jagħmlu l-OPEC jiddefendu l-prezz.
Analisti differenti qed jagħtu verżjonijiet varji ta’ x’se jkun l-impatt matul is-sena d-dieħla.
Għalkemm li hu żgur hu li d-deċiżjonijiet fl-aħħar xhur ħallew impatt negattiv fuq diversi pajjiżi mhux l-inqas fl-Ewropa fejn żdiedu b’mod konsiderevoli l-prezzijiet tal-fuel u tad-dawl.
F’pajjiżna l-prezzijiet tal-elettriku baqgħu stabbli u meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-OPEC il-Prim Ministru qal li l-politika tal-gvern fis-settur tal-enerġija tigarantixxi li ma jkunx hemm żidiet fil-prezz tal-elettriku.
Filwaqt li l-isfida tkun il-prezz tal-fuel, bil-Prim Ministru jgħid li l-gvern se jaħdem biex l-impatt fuq il-konsumatur Malti ikun l-inqas possibbli.