L-ikbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta Sovrana mġarrba mill-Partit Nazzjonalista tibgħat messaġġ dirett lill-istess Partit li ġie rrifjutat mill-elettorat.
Dan ħareġ f’artiklu b’analiżi fil-gazzetta ‘Illum’ fil-ħarġa tal-Ħadd.
Fl-artiklu ġew mislufa kliem l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia fejn intqal li l-poplu mhux tkellem imma “werżaq” bl-ikbar messaġġ ikun immirat lejn il-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif skont l-istess artiklu tal-llum, il-Partit ta’ Bernard Grech m’għad fadallu l-ebda skuża u jrid jifhem li l-problema li għandu hija waħda fonda.
“Xi ħaġa ħażina qed jagħmel u jeħtieġ jindirizzaha jekk ma jridx li jispiċċa rrelevanti u jkun tard wisq.”
Fost l-oħrajn il-ġurnalist tal-Illum qalilhom biex ma jinħlewhx jipprovaw iwaħħlu fil-Gvern u ċ-ċekkijiet li ħareġ.
Stqarr kif il-kumment ta’ Bernard Grech dwar iċ-ċekkijiet kien żejjed għaliex il-Partit Nazzjonalista ma tilifx l-elezzjoni b’2,000 vot.
Stqarr li meta Bernard Grech għadda dan il-kumment eżatt wara li ġarrab telfa straordinarja, kien qed jitratta l-votanti ta’ Ġaħan.
Hawnhekk kiteb “ieqfu aħsbu li l-Maltin ma jafux jivvutaw.”
L-artiklu kompla jtenni kif in-nies ma tridx il-politika ta’ Simon Busuttil u din urietha billi tajret ’il barra nies bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina.
L-artiklu kompla jgħid kif f’kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista dejjaq lil kulħadd bil-battuta li l-Partit Laburista qed jikkupjah meta fil-verità Bernard Grech ma kienx kredibbli u ma offriex stabilità.
“In-nies jibdew jagħtu kas dak li qed tgħidu intom u jikkunsidraw dak li qed tipproponu meta jaraw fikom potenzjal li tistgħu titilgħu t-taraġ ta’ Kastilja. S’issa lanqas sal-bankina ta’ quddiemha ma jarawkom”, kompla jgħid l-artiklu.
Hawnhekk il-ġurnalist tal-‘Illum’ kompla jinnota kif l-elettorat qatt m’hu ser jasal jafda partit mifni bi problemi interni sabiex imexxi lil pajjiż.
Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista ġmielu jitkellem fuq ir-reputazzjoni tal-pajjiż, ftit tkellem dwar ir-reputazzjoni li bena għalih innifsu fl-aħħar snin.
Fil-fatt l-artiklu spjegakif il-Partit Nazzjonalista jrid jibda billi jsewwi r-reputazzjoni tiegħu l-ewwel u qabel kollox.
“Ir-reputazzjoni li bnejtu għalikom infuskom fl-aħħar snin hija biżżejjed. Ibdew billi ssewwu dak.”
L-artiklu saħansitra jdur fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u jfakkru li t-telfa ta’ 40,000 vot ser tibqa’ t-timbru tiegħu.
“Inti l-Kap ta’ Partit li ġarrab telfa storika. Diffiċli biex tibda tidher kredibbli jew inkella Prim Ministru alternattiv.”
Hawnhekk il-ġurnalist jistaqsih jekk jaħsibx li fattarha kmieni li wara telfa bħal dik joħroġ jgħid li ser jibqa’ Kap.
Hawnhekk il-ġurnalist saħansitra ħeġġu jaħsibha sew għaliex il-Partit Nazzjonalista ma jistax jitlef aktar żmien.