L-atleta Neil Agius ħabbar li se jagħmel sfida oħra: din id-darba se jagħmel għawma ta mitt mil li se ssir fl-aħħar ta’ Ġunju li ġej. Din se tkun l-ewwel darba li xi ħadd se jagħmel din it-tip ta’ għawma ta’ dak it-tul mingħajr waqfien, mingħajr assistenza, f’kurrent tal-baħar newtrali u fil-baħar miftuħ.
Dan tħabbar illum fil-Palma International Boat Show & Superyacht Village fejn Agius, li bħalissa għandu rekord f’kategorija oħra tal-għawm, esprima l-viżjoni tiegħu, kif u għaliex se jagħmilha.
L-għawma se tibda minn Mallorca u minn hemm Agius se jdur madwar il-kosta tal-Punent biex finalment jasal mal-kosta ta’ Ibiz. Huwa se jkun għam madwar 160km, f’baħar miftuħ.
Din l-għawma żgur mhux forsi li se tkun ta’ sfida mhux biss fiżika imma anki mentali, iżda l-eks olimpjan qal li huwa determinat li jwettaq l-iktar għawma ambizzjuża tiegħu s’issa.
Waqt il-konferenza Agius saħaq li l-intenzjoni ewlenija ta’ din l-għawma mhix li jikser rekord ieħor iżda li joħloq iktar għarfien rigward it-tniġġis fl-ibħra u oċeani, kif ukoll fuq l-importanza tal-konservazzjoni tal-ekosistema marittima.
Waqt l-għawma Agius se jkun akkumpanjat minn madwar 25 volontier u professjonist li se jassiguraw li jinżamm f’stat ta’ saħħa stabbli.