Is-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza 2017 u Fondi Ewropej, Dr Ian Borg dalgħodu żar il-Unit tal-Presidenza fil-Palazz tal-GranMastru, il-Belt Valletta bi tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017. Matul iż-żjara Borg qal li l-Presidenza se tkun l-ikbar sfida li Malta qatt kellha minn meta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
Fost il-prioritajiet politiċi huwa semma l-immigrazzjoni, is-settur marittimu, ir-reġjun tal-Mediterran u s-sigurtà, it-tkomplija tas-suq uniku kif ukoll is-suq diġitali.
Minn naħa l-oħra, ħafna mill-uffiċjali qed jaħdmu sabiex Malta tkun tista’ tilqa’ numru ta’ laqgħat u toffri l-infrastruttura meħtieġa.
Borg faħħar ix-xogħol li bħalissa għaddej b’ritmu mgħaġġel, hekk kif mistennija li fil-Palazz, fejn qabel kien jiltaqa’ l-Parlament Malti, se jsiru ma’ 16 –il laqgħa informali għall-Ministri Ewropej responsabbli minn oqsma differenti u laqgħat oħra ta’ importanza għolja.
Ser ikunu qed jiġu organiżżati wkoll mal-205 laqgħat tekniċi u Malta ser tospita ukoll mal-20,000 delegat u 1,500 ġurnalist matul is-6 xhur tal-Presidenza.
Fi ħdan il-Unit tal-Presidenza llum hemm mal-65 persuna taħdem, inkluż it-3 Diretturi Eżekuttivi fil-Loġistika, Politika u Informazzjoni, kif ukoll uffiċjali f’diversi setturi oħra fosthom it-taħriġ u l-ipprogrammar, amministrazzjoni, akkreditazzjoni, akkomodazzjonijiet u servizzi oħra bħal interpreti, il-qasam tal-kultura, trasport u manutenzjoni ġenerali.
Minn naħa l-oħra, fi Brussel hemm madwar 150 uffiċjal jaħdem fuq diversi setturi u kumitati ta’ ħidma fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Borg irrimarka kif l-impjegati kollha ingħataw it-taħriġ kollu neċessarju f’diversi livelli biex ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom bl-aħjar mod possibbli.
Ritratt: DOI