“Illum beda l-vjaġġ biex niċċelebraw il-kisbiet tal-ħaddiema. Mill-Belt Valletta għall-Belt Valletta.”
Dan kien il-messaġġ fi sfond ta’ attività politika qalb in-nies indirizzata mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela l-Ħadd filgħodu fil-Belt Kapitali.
Il-Prim Ministru spjega li l-ikbar riforma li ġab dan il-Gvern huwa fil-qasam tax-xogħol, dan hekk kif qabel l-2013 pajjiżna kellu sitwazzjoni ta’ tmint elef persuna jirreġistraw għax-xogħol, u kulħadd kellu jikkuntenta bix-xogħol li jsib. Però mill-2013 bdiet il-ħidma b’miżuri b’saħħithom fosthom childcare b’xejn, sistema ta’ tapering u l-iktar ħaġa għażiża għas-soċjetà, id-dinjità li jġib ix-xogħol.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-rata ta’ tkabbir f’pajjiżna hija sitt darbiet iktar minn dik tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex pajjiżna għandu r-riżorsa umana li hija aqwa minn ta’ kull pajjiż ieħor u għalhekk li llum nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn il-futur ta’ dan il-pajjiż mimli b’ottimiżmu.
“Dik tfisser meta l-prijoritajiet tiegħek ikunu qed iħabbtu fuq in-naħa t-tajba mhux meta inti tgħid li trid tmur u tinvesti fl-industrija tal-armi u tal-armamenti u tal-munizzjon u tat-tankijiet tal-gwerra u l-bastimenti tal-gwerra u tal-bombi u fl-istrumenti tal-qerda. Ħaddieħor jinvesti fil-bombi u aħna ninvestu fikom. Fin-negozji, fiż-żgħażagħ, fis-self employed, fil-pensjonanti, fil-ħaddiema, fl-ommijiet, fil-missirijiet f’dawk li għandhom tfal b’diżabilità għaliex hekk meta qalbek tħabbat fil-post it-tajjeb.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Waqt din l-attività, il-Prim Ministru spjega kif din il-ġimgħa ħarġet statistika li tgħid li għall-ewwel darba pajjiżna rnexxielu jinvesti fis-soċjal elf u ħames mitt miljun ewro.
Hawnhekk semma pataflun ta’ miżuri li għamel dan il-Gvern f’dan is-settur fosthom il-miżura tal-IVF b’opportunitajiet ġodda għal koppji li ma setawx ikollhom tarbija.
Semma’ wkoll iż-żieda fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-carers li tjiebu b’għoxrin fil-mija, il-carers grant għal ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità severa, miżuri għall-first time buyers b’għotja ta’ għaxart elef ewro, l-ewwel darba li ngħatat għotja ta’ elf u ħames mitt ewro għall-ġenituri li għandhom tfal li jkomplu jistudjaw, l-aqwa ftehimiet kollettivi u anka l-iskema stabbiltà.
“Ħaddieħor qalilna li s-suq isuq, meta kellna l-inflazzjoni refgħet rasha, aħna daħħalna l-iskema stabbiltà u żammejna l-prezz ta’ 450 prodott tal-ikel stabbli. Meta l-prezz ta-enerġija sploda ’l fuq aħna tajna wegħda, qed inżommuha, u se nibqgħu nżommuha, li l-kontijiet tad-dawl, tal-ilma tal-petrol, tal-gass u tad-diesel, se nibqgħu, inżommuhom stabbli għal kulħadd.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li dan il-Gvern se jkompli jiltaqa’ man-nies u jitħaddet magħhom biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Filwaqt li ħaddieħor inġabar hemm biex iħabbat fuq il-borom, fl-ewwel ta’ Mejju, aħna ninġabru kollha kemm aħna hawnhekk biex niċċelebraw is-suċċessi ta’ dan il-pajjiż, is-suċċess taż-żgħażagħ, is-suċċess tal-ħaddiema, is-suċċess tan-negozji, is-suċċess tal-pensjonanti, is-suċċess ta’ dan il-pajjiż tant b’saħħtu u b’hekk inkomplu inġeddu Malta flimkien.”
Il-Prim Ministru, Robert Abela