Ta’ spiss nisimgħu kampanji favur il-prevenzjoni, fosthom tal-kanċer. Iżda professjonisti mediċi ikkonfermaw li sfortunatament, l-ikbar qattiela f’Malta huma l-attakki tal-qalb.
Dan qalu il-kardjologu Robert Xuereb, li l-Ħadd kien kelliem ewlieni f’diskussjonijiet dwar kif nistgħu nieħdu ħsieb qalbna.
Peress li problemi dan jista’ jaffetwa nies ta’ età żgħira, Xuereb ikkummenta li għandu jkun hemm monitoraġġ kontinwu, u mhux biss meta jitfaċċaw xi sintomi.
Fi kliem il-kardjologu:
“Ħafna nies jirraġunaw: issa kif inħoss xi haġa immur niċċekkja. That can be too late. Jista dak li jkun iħoss l-ugiegħ u tieqaflu qalbu u ma jkollux ċans jasal l-istpar. Għandna nibdew nieħdu hsieb minn issa.”
L-inqas deċiżjoni kapaċi ssalvilna ħajjitna. Dan huwa mard li ħafna minnu jista jkun evitat bil-konsum t’ikel ġenwin u attività fiżika. Dan anke billi nevitaw droga u tipjip, u jkollna livelli ta’ zokkor fid-demm u pressjoni tajbin.
Tajjeb niftakru li d-djuq tal-arterji tal-qalb jibdew minn età zgħira ħafna, u dan nafuh minn studju li qal li anke fit-teenage years dawn jibdew jidjiequ. Allura ma nibdewx nieħdu ħsieb kif nagħlqu l-erbgħin sena imma meta nkunu għadna tfal.
Xuereb spjega li fl-aħħar sentejn biss, fl-isptar Mater Dei ġew introdotti metodi ġodda ta’ monitoraġġ. Dan b’apparat li huwa ferm iktar komdu speċjalment għall-pazjent.
“Issa qed naraw l-arterji tal-qalb jekk humiex dojoq b’CT scan. Jinjtetaw xi ħaġa fil-ġisem mingħajr l-użu ta’ pajpijiet u naraw l-arterji fuq l-iscreen. Qabel kien ikollna ndaħħlu l-pajpijiet mill-koxxa jew mill-polz”.
Xuereb semma ukoll kif numru ta’ interventi li qabel kellhom isiru l-Ingilterra issa qed isiru Malta f’inqas żmien b’riżultati pożittivi.
Iżda dan kollu ma jfissirx li wieħed għandu jittraskura saħħtu. Minkejja li għandna l-apparat meħtieġ li qed iħalli l-frott, dejjem ikun aħjar għalina jekk qatt ma niġu bżonnu.