Ninsabu f’punt kritiku fl-Istorja tad-Dinja hekk kif qed tkun miġġielda l-ikbar kriżi umanitarja mill-1945; tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dettalji li taw in-Nazzjonijiet Magħquda jikkonfermaw li iktar minn għoxrin miljun persuna fil-Yemen, fis-Somalja, is-Sudan, u n-Niġerja huma f’riskju li jsofru l-ġuħ, b’iktar minn miljun tifel u tifla mistennija jmutu bil-ġuħ fl-2017 biss.
“Għadna fil-bidu ta’ sena ġdida u diġa qed niġġieldu l-ikbar kriżi minn mindu bdejna”- tgħid in-Nazzjonijiet Magħquda li għadha kif talbet għal għajnuna dinjija biex jinġabru erba’ biljun dollaru biex ikun evitat diżastru umanitarju ikbar.
Fil-Yemen biss, wieħed mill-iktar postijiet maħkuma minn din il-kriżi, persuna tmur kull għaxar minuti minn mard li seta kien prevenut. Fl-istess ħin, dsatax-il miljun huma fil-bżonn ta’ intervent umanitarju li huma mhux jirċievu minħabba governanza ħażina u nuqqas ta’ żvilupp.
L-istess jista’ jingħad għas-Sudan u s-Somalja. 40% tal-popolazzjoni tas-Sudan għandhomx riżorsi biex isostnu lilhom infushom, u l-fenomenu naturali El Nino kkawża ġuħ lil sitt miljun persuna fis-Somalja wara li qatel sorsi agrikoli importanti.
Iżda n-Nazzjonijiet Magħquda qed tgħid li n-Niġerja hija l-ikbar kawża ta’ anzjeta minħabba l-legat tal-militanti tal-Boko Haram, li sa issa qatel iktar minn ħmistax-il elf persuna u seraq iktar minn żewġ miljuni minn ġo djarhom. Il-Boko Haram għadu fil-poter f’ċertu żoni tal-pajjiż, żoni li l-aġenziji umanitarji ma jistawx jilħqu.
Għaldaqstant, in-Nazzjonijiet Magħquda qed tappella għal intervent ħolistiku biex dawn il-miljuni ta’ ħajjiet ma jintilfux b’mod daqshekk degredanti. Dan fl-istess ħin biex dawn l-aħħar snin ma jibqgħux imnaqqxa fil-paġni tal-Istorja bħala kriżi umanitarja agħar mit-Tieni Gwerra Dinjija.