L-ikbar Karnival li qatt ġie ċċelebrat f’Malta se jibda nhar is-Sibt li ġej, b’workshops tal-kartapesta għat-tfal fiċ-ċentru Esplora fil-Kalkara.
Fost l-attivitajiet ewlenin u l-aktar mistennija għall-Karnival ta’ din is-sena hemm attività s-Sibt filgħaxija fi Pjazza Tritoni fejn se jsir ballu kbir mill-kumpaniji kollha li se jieħdu sehem.
Se ssir ukoll l-isfilata fil-Kottonera u Festa Baned fil-Ħamrun bil-parteċipazzjoni ta’ numru rekord ta’ żeffiena.
Meta tnieda l-programm t’attivitajiet b’rabta mal-Karnival 2018, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici nnota li kull sena qed ikun ikbar minn ta’ qabel, u din is-sena mhix eċċezzjoni. Qal li se jkun hemm 20 kumpanija tikkompeti u 15 oħra jipparteċipaw.
Innota l-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura kulturali u hawnhekk semma kif beda x-xogħol fuq il-villaġġ tal-Karnival.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li mill-esperjenza tiegħu bħala tabib, dejjem ra l-impenn ta’ dawk kollha li jkunu nvoluti, li grazzi għall-ħidma tagħhom, il-Karnival qed jinfirex mal-pajjiż kollu.
Il-Karnival, li se jsir għall-ewwel darba taħt il-kappa ta’ Festivals Malta, se jsir bejn id-9 u t-13 ta’ Frar.